Malta Football Association
NEWS:
Kunsill MFA...l-aħħar laqgħa tal-istaġun 2014/15
Jun 25, 2015
Posted in:

Mark Attard, Media Officer

 

Għal ħabta tas-1.30pm, bdiet l-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-MFA għall-istaġun 2014/15. Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA irringrazzja lil dawk kollha li kienu preżenti u li kienu parteċipi fl-istaġun li għadda u ħalla l-kamra f'idejn Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, biex jagħti dettalji dwar id-dati tal-aktar avvenimenti li jmiss fil-kalendarju tal-MFA.


 

Bjorn Vassallo qal li l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA se ssir fil- lukanda Westin Dragonara Resort fis-17 ta' Lulju 2015. Ir-reġistrazzjonijiet jiftħu fil-5.30pm u l-Laqgħa tibda fis-6.00pm.

 

Vassallo qal li l-poloz tal-Kampjonat BOV Premier telgħu fis-serata tal-MFA Awards li saret il-Ġimgħa. Il-poloz tal-kampjonati kollha tal-BOV l-Ewwel Diviżjoni, tal-BOV Tieni Diviżjoni u tal-BOV Tielet Diviżjoni se jittellgħu fil-11 ta' Lulju 2015. Il-ħin, data u post jitħabbru fil-jiem li ġejjin.

 

Vassallo qal li l-finali tal-BOV Super Cup bejn Hibernians FC u Birkirkara FC se tintlagħab fit-12 ta' Awwissu 2015.

 

Vassallo semma' d-dati li se jibdew il-kampjonati rispettivi tal-MFA. Il-Kampjonat BOV Premier jibda fil-21 ta' Awwissu 2015, il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni jibda fil-11 ta' Settembru 2015, il-Kampjonat BOV tat-Tieni Diviżjoni jibda fit-18 ta' Settembru 2015 u l-Kampjonat BOV tat-Tielet Diviżjoni jibda fid-19 ta' Settembru 2015.

 

L-ewwel partiti mill-FA Trophy tal-istaġun 2015/16 jintlagħbu fi tmiem il-ġimgħa ta' bejn il-11 u t-13 ta' Settembru 2015.

 

Vassallo qal li l-MFA irċiviet notifikazzjoni mill-UEFA biex tajdilha li l-Kampjonati Ewropej tal-UEFA ta' taħt id-19-il sena li jmiss se jsiru fil-Ġermanja mentri dawk ta' taħt is-17-il sena se jsiru fl-Azerbaijan.

 

Darmanin Demajo, President tal-MFA, qal li l-Assoċjazzjoni rċeviet ittra mingħand Sepp Blatter, President tal-FIFA fejn fiha avża li fl-20 ta' Lulju 2015 se jlaqqa' l-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA biex jiddeċiedu meta se tkun id-data tal-meta se ssir il-Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-FIFA fejn fiha jrid jinħatar President ġdid. Il-President tal-MFA qal li għandu impressjoni li din id-darba jista' jkun hemm ħafna kandidati li joħorġu għal din il-kariga iżda għad m'għandu l-ebda ismijiet uffiċjali. Hu qal li l-ikbar kurżita' ta' kulħadd se jkun il-futur ta' Michel Platini u jekk hux se jibqa' fil-UEFA biss jew inkella hux se jiddeċiedi jmur fil-FIFA. Darmanin Demajo qal li diġa' qed jissemmew xi ismijiet bħal Diego Armando Maradona iżda xejn għadu mhu ċert. Il-President tal-MFA qal li din il-ġimgħa kellu żewġ telefonati mingħand il-Prinċep Ali tal-Ġordan fejn infurmah li kien għadu qed jikkonsidra jerġax jikkontesta għal din il-kariga.

 

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, qara informazzjoni li kellu dwar il-plejer Andrew Spiteri li għandu jieħu xi flus pendenti minn Marsaxlokk FC, iżda l-istess plejer iddeċieda li jiftaħ kawża fil-Qorti ta' Malta. Dan imur kontra r-regolamenti tal-MFA peress li l-plejer ma talabx il-permess neċessarju biex jagħmel dan. Għaldaqstant il-kamra tal-Kunsill qablet li tinħareġ akkuża lill-plejer mill-Bord tal-Kontroll u Dixxipplina tal-MFA.

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, lejn l-aħħar tal-laqgħa semma b'isimhom lil dawk il-membri tal-Kunsill tal-MFA li għalihom kienet l-aħħar laqgħa peress li iddeċidew li jħallu s-siġġu tal-Kunsill tahom jew is-siġġu tal-Kumitat tal-klabb rispettiv tahom.

Dawn in-nies huma:

Joe Sammut (Pieta' Hotspurs FC), Alfred Zammit (Sirens FC), Leli Micallef (Coaches Associations), Chris Grech (Mosta FC), Charles Scerri (Lija Athletic FC), Victor Cassar (Hamrun Spartans FC), Alfred Scerri (St Venera FC), Benny Casha (Senglea Athletic FC), Dione Drago (Naxxar Lions FC), Paul Deguara (Sirens FC), Julio Farrugia (Mqabba FC), Salvu Farrugia (Zurrieq FC), Alex Arena / Lorry Sammut (Referees Association)

 

Fl-aħħar tal-laqgħa, il-President tal-MFA, sellem lil Dr Sam Azzopardi, il-President il-ġdid tal-Gozo Football Association u rregalalu xi souvenirs tal-MFA bħalma jiġri kull meta jidħol xi membru ġdid fil-kamra.

Official Sponsors
Commercial Partners