Malta Football Association
NEWS:
B’Kara jagħmlu l-Istorja...Valletta u Balzan eliminati
Jul 10, 2015
Posted in:

  • Photo courtesy of Paul Zammit Cutajar
  • Photo courtesy of Paul Zammit Cutajar
  • Photo courtesy of Paul Zammit Cutajar
  • Photo courtesy of Paul Zammit Cutajar
  • Photo courtesy of Paul Zammit Cutajar
  • Photo courtesy of Paul Zammit Cutajar
  • Photo courtesy of Paul Zammit Cutajar
  • Photo courtesy of Paul Zammit Cutajar

 

Birkirkara FC, irnexxielhom jiktbu parti sabiħa tal-istorja tal-klabb tagħhom u anki tal-futbol Malti meta lbieraħ filgħaxija rebħu 3-1 f’Yerevan, l-Armenja, kontra Ulisses FC u kkwalifikaw għat-tieni rawnd tal-UEFA Europa League. Issa jiltaqgħu kontra West Ham Utd tal-Ingilterra, tim li hu ta’ attrazzjoni mhux ħażin magħna l-Maltin.


 

L-ewwel leg ta’ ġimgħa ilu li ntlagħab fil-Hibernians Stadium, f’Kordin u spiċċa fi draw ta’ 0-0. Iżda lbieraħ, l-Istripes għamlu partita kbira u skurjaw tliet darbiet, biż-żewġ protagonisti assoluti tal-partita jkunu Fabrizio Miccoli, l-akkwist il-ġdid u Giovanni Tedesco, il-kowċ il-ġdid.

 

Birkirkara FC marru fil-vantaġġ wara 21 minuta logħpb wara indeċiżjoni fid-difiża Armena ġabet lill-eks-plejer ta’ Palermo, Juventus u Benfica f’pożizzjoni perfetta biex jikkonkludi fix-xibka. Qabel il-mistrieħ, Birkirkara rduppjaw minn daqqa ta’ ras ta’ Mazzetti.

 

L-Armeni daħlu xi ftit fil-partita b’gowl lejn nofs it-tieni taqsima iżda Paul Fenech għalaq il-konfront b’gowl ieħor fl-aħħar minuti għal skor finali ta’ 3-1.

 

Il-Ħamis li ġej, Birkirkara jilagħbu l-ewwel leg tat-tieni rawnd kontra West Ham Utd f’Upton Park f’Londra u ġimgħa wara, jintlagħab it-tieni leg fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali.

 

L-istess xorti ma missitx lil Valletta FC li kienu favoriti li jikkwalifikaw għat-tieni rawnd iżda sofrew telfa xejn mistennija fil-Hibernians Stadium bi skor ta’ 2-1.

 

Kien dan l-istess skor li bih ħarġu telliefa ġimgħa ilu f’Wales kontra Newtown FC u għalhekk rebħa minima ta’ 1-0 kienet tkun biżżejjed għat-tim ta’ Paul Zammit. Iżda gowl kmieni fil-partita ħarbat mhux ftit lill-Beltin li rnexxielhom iġibu d-draw mal-ftuħ tat-tieni taqsima biex fetħu tamiet ġodda għall-partitarji tagħhom.

 

Lejn l-aħħar tal-konfront tkeċċa Ryan Camilleri biex kompla jikkomplika l-ħajja għal sħabu tant li ftit wara Newtown għalqu l-konfront bil-gowl tat-2-1, anki jekk dan kellhom jagħmluh ftit sekondi qabel minn penalty li fallew.

 

Balzan FC marru l-Bosnija u tilfu 1-0 kontra Zeljeznikar FC. Għall-Balzanin kienet l-ewwel esperjenza fl-Istorja tagħhom fl-Ewropa u li żgur li se sservihom għall-futur. Huma tilfu l-ewwel leg ġimgħa ilu 2-0 fil-Hibernians Stadium u lbieraħ tilfu 1-0 għal aggregate finali ta’ 3-0.

 

It-Tlieta li ġej jidħlu fix-xena Hibernians FC, iċ-champions tal-futbaol Malti li fl-ewwel leg tat-tieni rawnd taċ-Champions League se jilagħbu kontra Maccabi Tel Aviv tal-Iżrael. Il-partita tibda fit-8.00pm u tintlagħab fil-Hibernians Stadium.

Official Sponsors
Commercial Partners