Malta Football Association
NEWS:
Birkirkara FC jagħmlu unur kbir lil Malta
Jul 17, 2015
Posted in:

Mark Attard

 

West Ham United tal-Ingilterra, tħabtu mhux ftit biex rebħu lil Birkirkara FC 1-0, bil-gowl tar-rebħa li wasal fid-90 minuta tal-partita skurjat minn Tomkins. B'dan ir-riżultat, it-tim Malti se jilgħab it-tieni leg fl-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali l-Ħamis li ġej b'tama li kollox għad jista' jiġri, anki jekk il-kwalifikazzjoni tibqa' waħda diffiċli ħafna. 


Wieħed ma jistax ma jfaħħarx il-wirja kbira u l-pjan tattiku perfett li ħejja l-kowċ Karkariż Giovanni Tedesco li għal dan il-konfront għażel li jagħlaq sew id-dipartiment difensiv li iżda xorta ħalla xaqq tama ta' xi kontrattakk għat-tim tiegħu.

 

M'hemmx dubju li l-plejer tal-partita kien Justin Haber li laqa' kull ma ġie lejh. Hi ħasra kbira li fl-uniku indeċiżjoni li kellu fid-90 minuta f'ħarġa li ma kinitx daqstant preċiża, l-Istripes sofrew l-uniku gowl tal-partita li jista' jkun dak li jdawwar l-affarijiet kollha f'Ta' Qali u jxaqleb il-miżien favur it-tim ta' Londra.

 

Hekk kif intemmet il-partita, it-33,000 spettatur f'Upton Park ta' Londra ferħu u ċapċpu lit-tim Karkariż li ta dak kollu li jaf kontra skwadra professjonali li tikkompeti fil-Kampjonat Premiership fl-Ingilterra. L-istess ftaħir lejn Birkirkara FC wasal minn SLaven Bilic, kowċ ta' West Ham United u eks-kowċ tat-tim nazzjonali Kroat, li sellem lil Malta u faħħar il-wirja ta' kull plejer u kull min kellu x'jaqsam mal-kontinġent Malti.

 

Il-partita tal-Ħamis se tkun emozzjonanti għal kull Karkariż u għal kull dilettant tal-futbol lokali. Tibda fid-8.45pm u se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali, f'Ta' Qali.

 

Dawk interessati jattendu għandhom jagħmlu kuntatt mal-klabb ta' Birkirkara FC għall-biljetti tad-dħul.

Official Sponsors
Commercial Partners