Malta Football Association
NEWS:
"Wara s-sajf niddeċiedu flimkien il-futur tiegħi" - Darmanin Demajo
Jul 17, 2015
Posted in:
Ritratt: Paul Zammit Cutajar
Ritratt: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratt: Paul Zammit Cutajar

Mark Attard

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA għalaq il-Laqgħa Ġenerali Annwali 2015 billi rringrazzja lil dawk kollha li kienu nvoluti biex din il-Laqgħa setgħet kienet suċċess ieħor, bfuq quddiem l-impjegati kollha tal-Malta Football Association.

 

Darmanin Demajo temm il-Laqgħa b'ċapċipa kbira meta quddiem il-Kamra, b'idejh ma' qalbu qal li "L-MFA mhux tiegħi. Intom poġġejtuni hawn u se tkunu intom li tgħiduli x'għandi nagħmel. Irridu niddeċidu dan flimkien fil-ġimgħat li ġejjin. Bħalissa tistgħu tibdew tisimgħu ħafna spekulazzjonijiet fuq il-futur tiegħi iżda qiegħed inwegħdkom li intom se tkunu l-ewwel nies li ssiru tafu bil-futur tiegħi. Ejjew niddeċiedu flimkien."

 

Il-President tal-MFA qal għas-sena li ġejja l-MFA trid tibda taħseb biex iġġedded l-Istatut tagħha. Hu qal li l-Istatut tal-MFA ilu hemm snin b'regolamenti xi ftit antiki għaż-żminijiet tal-lum u għalhekk hemm bżonn li bħala familja tal-futbol nibdew niċċaqalqu f'dan ir-rigward.

 

Darmanin Demajo tkellem fuq l-amateur football f'pajjiżna u qal li l-MFA trid tkompli taħseb fuq dan ukoll u l-isem 'amateur football' għandu jinbidel għal 'league u non league'.

 

Il-President tal-MFA appella lill-klabbs kollha biex ma jonfqux aktar milli għandhom u fakkar li l-MFA għada sal-lum tħallas lill-bank is-self li daħlet għalih hi biex tkun tista' ttejjeb l-infrastruttura tal-klabbs. Darmanin Demajo appella:

 

"L-MFA nefqet fil-klabbs darba. Mhux se jkun hemm it-tieni darba. Dak tridu taħsbu għalih intom. Ibdew warbu l-flus għax xi darba se jasal iż-żmien fejn se jkollkhom tibdlu l-pitch jew xi investiment ieħor li għamlet l-MFA fil-klabb tagħkom. Sta għalikom li żżommu u tibżgħu għal dak li għandkom."

 

Darmanin Demajo qal li wasal iż-żmien li l-MFA terġa' tibda tissaħħaħ finanzjarjament, issa li ħelset mill-investimenti li kellha tagħmel fil-klabbs. Hu qal li fiż-żmien li ġej l-MFA se jkollha tibdel il-floodlights tat-training grounds li ilhom hemmhekk 30 sena u dan se jsir fix-xhur li ġejjin. 

 

Proġett ieħor li semma l-President kien fuq it-turf tal-Istadium Nazzjonali, f'Ta' Qali. Hu qal li esperti mill-UEFA taw parir lill-MFA li ma jistax ikun li jibqa' jintlagħab dak il-futbol kollu f'sena fl-Istadium u għalhekk hemm bżonn li jsir wiċċ ġdid aktar modern għaż-żminijiet tal-lum.

 

Proġett ieħor li se jsir se jkun dak tal-Parking Area tal-MFA li se jsir bil-pannelli tal-elettriku u biex fl-istess ħin jilqa' x-xemx minn fuq il-karozzi li jkunu pparkjati hemm. Semma wkoll proġett ieħor li se jsir fl-uffiċini taċ-Ċentru Tekniku li hemm bżonn li jitkabbru għal aktar kumdita' ta' kulħadd.

 

Darmanin Demajo fakkar li f'Settembru li ġej li jsir it-Top Executive Programme tal-UEFA wara li l-UEFA aċċettat l-offerta tal-MFA biex dan isir Malta. Hu fakkar li l-MFA se tkun qed iġġib f'pajjiżna lill-Presidenti u s-Segretarji Ġenerali kollha tal-Assoċjazzjonijiet kollha fl-Ewropa.

 

Darmanin Demajo tkellem ukoll fuq il-FIFA u għamilha ċara li m'għandu xejn personali kontra Sepp Blatter. Hu qal li jħoss li wasal iż-żmien li Blatter jagħmel spazju għall ħaddieħor u għalhekk ma beżax jitkellem. Hu qal li appoġġa lill-Prinċep Ali għax ikkonvinċieh fil-viżjoni tiegħu u għax żagħżugħ b'kuraġġ li anki jekk forsi kien jaf li se jitlef xorta mar għal xi ħaġa li emmen li seta' jagħmel aħjar.

 

Hu qal li għadu fil-kuntatt mal-Prinċep sal-lum u qal li f'Novembru li ġej it-tim nazzjonali Malti ġie mistieden fil-Ġordan biex jilgħab partita ta' ħbiberija u dan għadu se jiġi diskuss ma' Pietro Ghedin u l-istaff tekniku tal-MFA. Darmanin Demajo stieden lill-Prinċep Ali f'Malta, stediena li l-Prinċep aċċetta u se jiġi f'pajjiżna mal-ewwel ċans li jmiss.

 

Lejn l-aħħar, Darmanin Demajo qal li din se tkun l-aħħar sena tiegħu qabel il-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-sena li ġejja fejn jiskadi t-terminu tiegħu ta' President. Hu qal li jifhem li elezzjoni tista' ġġib ħafna inċertezza u firda u għaldaqstant jemmen li l-ewwel nies li għandhom ikunu jafu x'se jagħmel bil-futur tiegħu hu proprju l-kamra preżenti li kien qiegħed jindirizza għax kienu huma stess li tellgħuh f'din il-kariga u kienu huma li kkonfermawh għat-tieni terminu.

 

Darmanin Demajo temm id-diskors tiegħu b'ċapċipa kbira meta qal lill-membri kollha preżenti li jkun aħjar li "nħallu s-sajf jgħaddi, niltaqgħu flimkien u nisma' mingħandkom x'inhu l-aħjar li jsir. Jekk tgħiduli li għandi nibqa', jien se nibqa'. Jekk tgħiduli li aħjar inwarrab, lest nagħmel hekk ukoll. Wara kollox, l-MFA mhix tiegħi," temm Darmanin Demajo. 


Official Sponsors
Commercial Partners