Malta Football Association
NEWS:
Wirja kbira minn B'kara, unur kbir lil pajjiżna
Jul 24, 2015
Posted in:
Ritratti: Domenic Aquilina
Ritratti: Domenic Aquilina

  • Ritratti: Domenic Aquilina

Birkirkara FC, kellhom wirja kbira kontra West Ham United tal-Ingilterra fit-tieni rawnd, tieni leg tal-Europa League, b'rebħa ta' 1-0, gowl skurjat minn Fabrizio Miccoli li għamel l-iskor indaqs bħal dak ta' Upton Park f'Londra, biex ġie sfurzat il-ħin barrani u eventwalment l-għoti tal-penalties li eliminaw lill-Karkariżi mill-kompetizzjoni.


Kienet atmosfera mill-isbaħ fl-Istadium Nazzjonali. Aktar minn 14,000 ruħ attendew bi ħġarhom biex jaħtu l-appoġġ xieraq lil Birkirkara u lil Malta. Il-pjan tagħhom irnexxha mija fil-mija u dan għax l-Ingliżi dehru mifxula għal ħafna mill-ħin. 

 

Il-plejers ta' Birkirkara dehru komposti sew fil-pitch u rari taw ċans lit-tim minn Londra jilgħab il-partita tiegħu. M'hemmx dubju li x-xogħol li diġa' wettaq Giovanni Tedesco ma' dawn il-grupp ta' plejers qed jidher u bil-kbir. Għal mumenti rajna lil Birkirkara jilagħbu l-ballun u jfittxu l-ispazji. Xi ħaġa li rari naraw mill-Maltin meta jkunu qegħdin jaffrontaw xi tim barrani.

 

L-Istadium Nazzjonali "sploda" bl-għajjat wara kwarta logħob hekk kif Fabrizio Miccoli fetaħ l-iskor għall-Istripes wara li rċieva cross fil-baxx u kif ra l-ballun ġej spara ruħu fil-kaxxa ż-żgħira u ma falliex. Kien gowl li ġab kant u għajjat kbir fl-Istadium. It-tim minn Londra tfixkel...u bil-kbir!

 

B'Kara baqgħu jamministraw il-partita sal-aħħar. L-għajja dehret fuq iż-żewġ naħat iżda l-kontrattakk kienet l-aħħar arma li kellhom il-Maltin li setgħu kkonkludew aħjar f'żewġ okkażżjonijiet.

 

Il-plejers dehru għajjenien. Is-sħana kienet qed tinħass wisq fuq iż-żewġ naħat, l-aktar għal West Ham li lagħbu t-tieni taqsima bi plejer inqas, u għal Birkirkara li tkeċċilhom Mazzetti lejn l-aħħar 10 minuti tal-ħin barrani.

 

Il-partita marret għall-għoti tal-penalties. West Ham United skurjaw ħamsa minn ħamsa u għal Birkirkara falla bizz Nikola Vukanac.

 

Minkejja l-eliminazzjoni u d-diżappunt, l-ispettaturi preżenti taw applaws kbir u mistħoqq lill-plejers Karkariżi għall-wirja brillanti.

 

Fil-konferenzi stampa ta wara l-partita, Slaven Bilic, kowċ ta' West Ham United, ma setax ma jfaħħarx il-wirja tal-Maltin u l-mod kif il-plejers Maltin kienu komposti fil-grawnd. Hu sellem lill-poplu Malti u qal li jieħu pjaċir dejjem li jiġi f'pajjiżna darba kultant.

 

Giovanni Tedesco qal li jinsab kburi ħafna bil-plejers tiegħu anki jekk li tiġi eliminat bil-penalties wara partita ta' dak il-livell hi kerha wisq.

 

Li hu żgur hu li b'din il-partita kontra West Ham United, Birkirkara FC għamlu ġieh kbir lil pajjiżna.

 

Official Sponsors
Commercial Partners