Malta Football Association
NEWS:
"Nużaw il-poter tal-futbol għal min hu fil-bżonn" - NDD
Jul 30, 2015
Posted in:

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, f'intervista li ta ilbieraħ lill-kamra tal-aħbarijiet ta' TVM, l-istazzjon nazzjonali, tkellem fuq il-Football Social Responsability u fuq ir-responsabbilta' u dmir li hu bħala President iħoss fuqu li għandu jgħin lil min hu l-aktar fil-bżonn permezz tal-poter li għandu l-isport tal-futbol.


 

Mistoqsi fuq il-1 euro żejda li kien hemm fuq id-dħul fl-istadium għall-partiti tal-Kampjonat BOV Premier, il-President tal-MFA spjega li fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA ġie spjegat li l-flus li nġabru u ntefgħu f'dan il-fond u li fin l-idea kienet ġiet introdotta f'Malta anki wara suġġeriment tal-UEFA. 

 

Darmanin Demajo qal li l-ikbar dħul f'dan il-fond kien mill-1euro żejda li ħallsu l-ispettaturi fl-entrata iżda l-MFA ħadet persentaġġ mill-multi kollha li tħallsu matul l-aħħar staġun u żidithom ma' dan l-ammont. Hu spjega li l-flus kollha li nġabru se jmorru f'fond ieħor bl-isem ta' 'Capitals of Change'.

 

"Dan il-programm se jinkludi aktar firxa wiesa ta' futbol," qal il-President tal-MFA, foshom futbol organizzat fil-habs, fil-Caritas, Inspire, refuġjati u nies bi bżonnijiet speċjali. 

 

Darmanin Demajo qal li l-kontribuzzjoni tal-MFA għal din is-sena għall-Istrina se titla' għal 10,000euro mis-solitu 3,000euro li kienet tagħti l-Assoċjazzjoni f'donazzjoni u li l-MFA se tinvesti f'aktar infrastruttura madwar il-pajjiż biex in-nies ikollhom dejjem aktar fejn jilagħbu l-logħba tal-futbol.

 

Il-President tal-MFA qal ukoll li l-MFA se talloka parti minn dawn il-flus ukoll biex tippromwovi l-futbol Malti u l-Assoċjazzjoni u dan se tagħmlu billi jkollha l-aċċessorji tagħha xi tqassam bħal kits, brieret, blalen, flokkijiet u affarijiet oħra li kulħadd jieħu pjaċir bihom.

 

Hu qal li jekk wieħed jgħodd dan kollu li qiegħda tagħmel l-MFA isib li dawk il-flus kollha li ġabret l-MFA permezz tal-Football Social Responsability intefqu fuq nies li l-aktar kellhom bżonnhom u li l-flus ġew utilizzati kif suppost. 

 

Darmanin Demajo qal li issa li wasal li jibda staġun ġdid, l-MFA se terġa' taddotta l-istess proċedura biex jerġgħu jinġabru aktar flus u jerġgħu jitqassmu fuq min l-aktar għandu bżonn. 

 

"Aħna nixtiequ li kulħadd igawdi l-logħba sabiħa tal-futbol. M'hemmx għalfejn li wieħed ikun jilgħab biss fil-livell professjonali tal-Kampjonat Premier, iżda kulħadd għandu dritt jieħu pjaċir b'dan l-isport," temm Norman Darmanin Demajo.

Official Sponsors
Commercial Partners