Malta Football Association
NEWS:
Kunsill MFA...l-ewwel laqgħa tal-istaġun 2015/16
Jul 30, 2015
Posted in:

Mark Attard, Media Officer

 

L-ewwel Kunsill tal-MFA għall-istaġun 2015/16 fetaħ b'quddiesa fis-sala tal-Kunsill tal-MFA ikkonsagrata minn Father Joe Abela. 

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA fetaħ il-Laqgħa billi laqa' fil-kamra lil dawk il-membri tal-Kunsill ġodda li kienu se jirrappreżentaw lill-klabbs tagħhom għall-istaġun li wasal biex jibda. 


 

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, qal li l-Malta Masters Football Association innominaw lil Mario Meli bħala Membru ġdid tal-Kunsill tal-MFA. Il-MMFA ġiet ikkonfermata bħala membru sħiħ tal-MFA fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA.

 

Dr Chris Bonett, Viċi President tal-MFA, spjega s-sitwazzjoni preżenti ta' Marsaxlokk FC. Hu qal li hu, flimkien ma' tim ta' nies tiegħu mill-Member Status Committee, iltaqgħu mal-klabb tax-Xlukkajr biex jirranġaw is-sitwazzjoni tal-klabb. Bonett feraħ lin-nies tal-klabb kollha ta' Marsaxlokk FC talli żammew mal-istruzzjonijiet kollha li tat l-MFA u qal li llum għandhom 96 membru fil-klabb u Kumitat effettiv. Michael Cutajar, għamel mozzjoni biex Marsaxlokk FC jerġgħu jkunu parti normali bħala klabb membru tal-MFA. Il-mozzjoni ġiet sekondata mill-kamra kollha b'mod unanimu. 

 

Floriana FC kitbu lill-MFA u avżaw li ssospendew lill-plejer Matteo Picciollo għal 28 ġurnata talli ma tfaċċax għat-taħriġ mal-klabb tiegħu fid-data li kellu jkun mal-kumplament tal-iskwadra. 

 

Vassallo avża li għall-istaġun li ġej, l-MFA se jkollha erba' membri tagħha li għandhom sehem f'xi organu jew ieħor tal-UEFA. Dawn huma Norman Damranin Demajo, Bjorn Vassallo, Ludovico Micallef u Dr Chris Bonett.

 

Bjorn Vassallo qal li s-sena l-istaġun li għadda l-MFA kellha 50 partita bejn il-futbol maskili, nisa u youths,  fejn fihom saru t-testijiet tad-doping. Fl-ebda test ma nstab li xi ħadd kien pożittiv. B'kollox saru testijiet fuq 90 plejer. 

 

Dr Chris Bonett, tkellem fuq il-kwistjoni li qamet fil-futbaol Għawdxi u fil-kampjonat tal-GFA wara li Nadur Youngsters FC ġew relegati minħabba każ ta' koruzzjoni. Dr. Samuel Azzopardi, President tal-GFA, tkellem fil-kamra u qal li l-klabbs f'Għawdex u fil-Kunsill tal-GFA iddeċidew li kollox għandu jibqa' kif inhu, f'sens li ġew relegati Sannat Lions li ġew l-aħħar fil-klassifika u Nadur Youngsters, minħabba l-każ li kellhom. Fejn is-soltu jiġi relegat klabb wieħed, issa f'Għawdex hemm sitwazzjoni straordinarja li se jkollhom jiġu relegati żewġ klabbs. Il-GFA titlob li għal dan l-istaġun biss, isiru żewġ kampjonati ta' seba' timijiet, jiġu relegati Nadur Youngsters u Sannat Lions u jiġu promossi Għajnsielem u għalhekk isiru żewġ kampjonati ta' seba' timijiet.

Il-mozzjoni tal-MFA hi li skont l-Istatut tal-MFA irid jiġi relegat u jiġi promoss xi ħadd akkost ta' kollox u għalhekk il-parir tal-MFA hu li Sannat Lions jibqgħu fl-Ewwel Diviżjoni u jiġu promossi Għajnsielem. B'hekk f'Għawdex jitkompla l-kampjonat bi tmien timijiet fl-Ewwel Diviżjoni u sitt timijiet fit-Tieni Diviżjoni. 

 

L-aħħar tema fil-Kunsill tal-MFA kienet il-karigi konfermati u ħatriet ġodda fil-Bordijiet u l-uffiċini tal-MFA

Official Sponsors
Commercial Partners