Malta Football Association
NEWS:
“Se tkun partita li tista’ tmur kull naħa” – Nisevic u Tedesco
Aug 11, 2015
Posted in:
Ritratti: Domenic Aquilina u Joe Borg
Ritratti: Domenic Aquilina u Joe Borg

  • Ritratti: Domenic Aquilina u Joe Borg

 

Mark Attard, Media Officer

 

“Se tkun partita li tista’ tmur kull naħa. L-avversarji tagħna għandhom tim ta’ livell għoli ħafna bi plejers esperti li jistgħu jiddeċiedu partita f’kull ħin. Logħba li se nibdewa b’50% ċans u m’hemmx favorit.”

 

Dan kien l-ewwel diskors ta’ Branko Nisevic, kowċ ta’ Hibernians FC u Giovanni Tedesco, kowċ ta’ Birkirkara FC, f’konferenza stampa organizzata mill-MFA u li saret dalgħodu fis-sala tal-konferenzi tal-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali, ġurnata qabel il-finali tal-BOV Super Cup 2015/16, li se tintlagħab għada fit-8.00pm.


 

Nisevic fetaħ il-konferenza billi qal li hu veru li t-tim tiegħu hu ċ-champion preżenti tal-futbol Malti iżda dan ma jfissirx li huma aħjar jew agħar minn Birkirkara.

 

“Is-sena l-oħra rbaħna l-kampjonat aħna iżda ma jfisser xejn. Birkirkara rebħulna l-finali tal-FA Trophy u kulħadd jaf x’għamlu kontra West Ham United. Nara li ż-żewġ naħat għandhom tim tal-istess livell u jista’ jiġri kollox.

 

“Bħalma nagħmlu dejjem, għada se nilagħbu biex nirbħu. Irridu nissaħħu ħafna aktar fid-difiża biex nilqgħu lill-attakkanti li għandhom filwaqt li nkunu veloċi ħafna fil-kontrattakk. Konvint li kapaċi nkompli fejn ħallejna fl-istaġun li għadda,” qal Nisevic.

 

Tedesco, kowċ ta’ Birkirkara, kien prudenti ħafna f’diskoru, f’konferenza stampa li kella tliet lingwi differenti; Malti, Ingliż u Taljan.

 

“Inħossni emozzjonat għal din l-ewwel finali tiegħi f’Malta. Irrid nirringrazzja lil Paul Zammit għax it-tim se jilgħab din il-finali grazzi għat-Trophy mirbuħa fi żmienu. Iżda din il-finali se tintlagħab kontra l-aqwa tim ta’ Malta. Hibernians huma ċ-champions u fl-opinjoni tiegħi għadhom, ‘the team to beat’,” qal Tedesco.

 

Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti għal din il-konferenza stampa jekk għal għada hux se jkollu tim sħiħ għad-dispożizzjoni tiegħu, Tedesco qal aktarx li se jkollu tliet pedini importanti neqsien.

 

“Jidher li Fabrizio Miccoli, Rowen Muscat u Paul Fenech mhux se jirnexxielhom ikun f’sikkithom fil-ħin. Għaldaqstant jista’ jkollna l-problemi bi plejers hekk neqsien. Iżda m’għandix dubju li dawk li se jkollhom jieħdu posthom se juru l-istess livell,” qal Tedesco.

 

L-eks-plejer ta’ Perugia u Palermo faħħar lil Gareth Sciberras għall-impenn u d-dedikazzjoni tiegħu li reġgħu wassluh biex laħaq l-ogħla livelli possibbli tiegħu.

 

“Sciberras kien u għadu l-captain ta’ Birkirkara,” qal Tedesco.

 

Min-naħa tiegħu, Sciberras irringrazzja lill-klabb Karkariż ta’ kemm għenu f’dawn l-aħħar xhur li għamel nieqes u qal li jekk illum jinsab f’din il-konferenza hu grazzi għall-Kumitat u l-partitarji ta’ Birkirkara, u għall-appoġġ kontinwu tal-familja tiegħu, speċjalment ta’ martu.

 

“Li forsi kien klabb ieħor kien jarmini wara l-injury serja li sofrejt. Birkirkara għenuni u sibthom warajja dejjem. Għandi biss kliem ta’ tifħir lejhom u lejn il-partitarji kollha. Bis-saħħa ta’ nies hekk, inkluż familti b’quddiemnett marti, li llum qegħdin tarawni hawn.

 

“Għal għada ninsab għas-servizz tal-kowċ u tal-klabb. Lest inservi kif u fejn hemm bżonn. Jien kont, għadni u nispera li nibqa’ plejer ta’ Birkirkara,” qal Sciberras.

 

Andrew Cohen, captain ta’ Hibernians, ukoll jinsab konxju tal-importanza tal-logħba. Hu qal li l-fatt li huma rebħu l-kampjonat u Birkirkara rebħu t-trophy għandha tagħmel finali bilanċjata u interessanti li għandha tmur kull naħa.

 

“Konvint li se tkun partita tajba li tista’ tintrebaħ miż-żewġ naħat. Jien kunfidenti li jekk nerġgħu nilħqu l-livelli tas-sena l-oħra, jerġa’ jkollna staġun mill-aqwa. Ninsabu sodi f’kull dipartiment u għaldaqstant huma t-timijiet l-oħra li għandhom jinketaw minn Hibernians u mhux aħna minnhom,” qal Cohen.

 

Il-partita tintlagħab għada l-Erbgħa 12 ta’ Awwissu fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali u tibda fit-8.00pm. L-istadium jiftaħ għall-pubbliku fis-6.30pm.

Official Sponsors
Commercial Partners