Malta Football Association
NEWS:
Illum jibda l-Kampjonat BOV Premier 2015/16
Aug 21, 2015
Posted in:
General
BOV Premier League
Ritratt: Domenic Aquilina
Ritratt: Domenic Aquilina

 

Illum jibda l-Kampjonat BOV Premier 2015/16. Wara sajf fejn fih rajna diversi timijiet jesperimentaw plejers ġodda, iħallu u jakkwistaw oħrajn, mil-lejla tibda l-battalja li twassalna sa Mejju li ġej meta hemmhekk inkunu nafu min hu l-aqwa tim u ċ-champion ta’ Malta.


 

Hibernians FC jibdew jiddefendu t-titlu għada bl-ewwel partita tagħhom tkun kontra kontra Balzan FC, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali, fit-8.30pm. M’hemmx dubju li t-tim ta’ Branko Nisevic jibda l-favorit li jerġa’ jirbaħ il-kampjonat, flimkien ma’ Birkirkara FC u Valletta FC. L-ewwel partita tal-Pawlisti se tixxandar diretta fuq TVM 2.

 

Għada wkoll, fis-6.30pm, tintlagħab il-partita bejn Mosta FC u Floriana FC. Iż-żewġ naħat kellhom diversi tibdil fl-iskwadra rispettivi tagħhom, il-Greens aktar mill-avversarji, tant li għalihom se jiddebutta fil-Kampjonat BOV Premier, Luis Oliveira, il-kowċ il-ġdid, eks-plejer ta’ Cagliari u Fiorentina. Din il-partita tixxandar diretta fuq Melita Stars.

 

Illum, ikollna erba’ partiti. Fil-Hibernians Stadium, fis-6.30pm, Birkirkara FC taħt it-tmexxija ta’ Giovanni Tedesco jilagħbu kontra Naxxar Lions FC. L-Istripes kienu l-aktar tim attiv fl-aħħar ġimgħat fejn jidħol suq ta’ trasferimenti u m’hemmx dubju li l-wirja li kellhom kontra West Ham United fil-kompetizzjoni Ewropeja tal-Europa League, għandha tqawwi qalb kull partitarji Karkariż.

 

Naxxar Lions FC kellhom bidla f’diversi plejers u saħansitra fil-President tagħhom. M’hemmx dubju li se jinħass ħafna n-nuqqas ta’ Gilmar Rebeiro li ġie ċedut lil Hibernians FC iżda wara l-konferenza stampa tal-bieraħ li organizza l-klabb, jidher biċ-ċar l-aspirazzjonijiet tan-Naxxarin se tkun dik li jsibu post fiċ-Championship Pool.

 

Wara din il-partita tintlagħab Sliema Wanderers vs Tarxien Rainbows. Il-Blues jibdew xi ftit aktar favoriti anki għaliex kellhom sajf bil-għaqal ħafna f’dik li hi kampanja akkwisti u jidher ċar li żiedu s-saħħa tagħhom mill-istaġun li għadda.

 

Tarxien Rainbwos FC jibqa’ dak it-tim li jista’ jissorprendi lil kulħadd meta jkun fil-ġurnata tiegħu. L-aspirazzjonijiet tagħhom jibqgħu biex iżommu posthom fil-Kampjonat BOV Premier u jidher li għandhom materjal biżżejjed biex jagħmlu dan.

 

Illum ukoll fl-istess ħin tal-Hibernians Stadium, jintlagħbu żewġ partiti oħra fil-Victor Tedesco Stadium. Qormi FC, b’diversi problemi fl-iskwadra tagħhom u fil-Kumitat preżenti, jilagħbu kontra Pembroke Athleta, tim li se jiddebutta fl-ogħla livell tal-futbol Malti għall-ewwel darba.

 

Fit-tieni partita li tibda fid-8.45pm, St. Andrew’s FC, se jirritornaw fil-Kapjonat BOV Premier u se jkunu qed jagħmlu dan bil-kbir peress li se jaffrontaw lil Valletta FC.   

Official Sponsors
Commercial Partners