Malta Football Association
NEWS:
It-tim nazzjonali bl-ewwel sessjoni ta’ taħriġ għada filgħodu
Aug 28, 2015
Posted in:
Ritratt: Joe Borg
Ritratt: Joe Borg

 

Mark Attard, Media Officer

 

It-tim nazzjonali Malti taħt it-tmexxija tal-kowċ Pietro Ghedin, jingħaqad għada s-Sibt filgħodu għall-ewwel sessjoni ta’ taħriġ għaż-żewġ partiti li għandu kontra l-Italja u l-Azerbaijan.


 

Malta tilgħab f’Firenze kontra l-Italja l-Ħamis, 3 ta’ Settembru 2015 fid-9.00pm u kontra l-Azerbaijan, il-Ħadd, 6 ta’ Settembru fis-6.00pm, u ż-żewġ partiti huma validi mill-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropej.

 

Għal din il-partita, Pietro Ghedin diġa’ sejjaħ l-ewwel skwadra proviżorja li tinkludi anki uċuħ ġodda fosthom lil Alex Cini ta’ Pembroke Athleta FC, lil Ayrton Azzopardi ta’ Tarxien Rainbows FC u lil Dylan Grima ta’ Balzan FC.

 

It-tim nazzjonali jibda jitħarreġ minn għada. Il-plejers u l-istaff tekniku mgħajtin biex ikunu f’Ta’ Qali kmieni filgħodu u dan għax l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ ‘recovery’ tibda fit-8.30am. It-tieni sessjoni ta’ taħriġ issir il-Ħadd filgħodu fl-istess ħin. It-Tnejn isiru żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ, waħda fit-8.30am u l-oħra fil-5.30pm filwaqt li t-Tlieta ssir l-aħħar sessjoni ta’ taħriġ fil-5.30pm qabel ma l-kontinġent jitlaq lejn l-Italja.

 

Il-kontinġent iħalli pajjiżna l-Erbgħa fis-7.30am, f’titjira diretta lejn Pisa, fl-Italja u jalloġġja ruħu f’lukanda f’Firenze għal ħabta tal-11.00am.

 

Fl-4.30pm issir il-konferenza stampa ta’ Malta fi Stadio Artemio Franchi u t-tim nazzjonali jitħarreġ fl-istess stadium fil-5.00pm. L-aħħar sessjoni ta’ taħriġ qabel il-partita ssir il-Ħamis stess fl-10.00am.

 

Il-kontinġent Malti jidħol lura f’Malta wara l-partita l-Ġimgħa filgħodu għal ħabta tat-2.45am iżda jibqa’ taħt irtir sħiħ, tant li mill-ajruport jibqa’ sejjer f’lukanda oħra f’pajjiżna fejn jibqa’ alloġġjat hemm sal-Ħadd, il-ġurnata tal-partita kontra l-Azerbaijan.

 

Intant, Antonio Conte, kowċ tal-Italja mistenna jsejjaħ l-iskwadra ta’ plejers li se jilgħabu kontra Malta u l-Azerbaijan il-Ħadd filgħaxija, eżatt kif tintemm it-tieni ġurnata tal-Kampjonat Taljan tas-Serie A.

Official Sponsors
Commercial Partners