Malta Football Association
NEWS:
It-tim nazzjonali Malti jasal Firenze
Sep 2, 2015
Posted in:
Ritratt: Paul Zammit Cutajar
Ritratt: Paul Zammit Cutajar

Mark Attard, Media Officer

 

It-tim nazzjonali Malti taħt it-tmexxija tal-kowċ Pietro Ghedin, ftit tal-ħin ilu wasal f'Firenze fejn għada jilgħab is-seba' partita mill-Grupp ta' Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej, kontra l-Italja.


 

Il-kontinġent kollu tat-tim nazzjonali Malti ltaqa' fl-ajruport ta' Malta dalgħodu għal ħabta tas-5.45am u fis-7.30am beda l-vjaġġ tiegħu f'titjira lejn Pisa. Minn Pisa, il-kontinġent Malti kellu siegħa triq sakemm alloġġja ruħu f'lukanda viċin Stadio Artemio Franchi, l-istadium tal-klabb Taljan Fiorentina, fejn għada fid-8.45pm se tintlagħab il-partita bejn l-Italja u Malta.

 

It-tim nazzjonali jitħarreġ fl-istess stadium illejla fil-5.00pm iżda qabel mistennija ssir il-konferenza stampa ta' Ghedin flimkien ma' żewġ plejers fis-sala tal-konferenzi tal-istess istadium.

 

Mill-iskwadra uffiċjali mħabbra jumejn ilu, wieħed isib bidla waħda li saret tard ilbieraħ filgħaxija wara l-aħħar sessjoni ta' taħriġ fit-training grounds tal-MFA fejn Terence Vella ta' Qormi FC ħa post Dylan Grima ta' Balzan FC wara li dan tal-aħħar ħass xi uġigħ fl-irkoppa u ma kienx possibbli li jkun fl-iskwadra għal din il-partita kontra l-Italja u għall-partita tal-Ħadd kontra l-Azerbaijan, fl-istadium nazzjonali, f'Ta' Qali.

 

Għal din il-partita, diversi partitarji Maltin mistennija jkunu preżenti, fosthom grupp sabiħ tas-South End Core li mistennija jimlew is-'Settore Ospiti' tal-istadium bil-bnadar ħomor u bojod ta' Malta.

 

Il-partita tintwera diretta fuq TVM 2.

Official Sponsors
Commercial Partners