Malta Football Association
NEWS:
“Għandna ħaġa waħda kbira u sabiħa, skwadra magħquda” - Pietro Ghedin
Sep 2, 2015
Posted in:
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

 

Mark Attard, Media Officer

 

“M’għandnix champions kbar imma għandna ħaġa waħda kbira, skwadra magħquda.” Dan kien l-ewwel kummenti li ta Pietro Ghedin, illum wara nofsinhar fis-sala tal-konferenzi ta’ Stadio Artemio Franchi, ġurnata qabel il-partita ta’ għada bejn l-Italja u Malta.


 

“Nemmen li qegħdin f’kundizzjoni tajba. Tħarriġna sew u għada se nagħmlu minn kollox biex ikollna l-aktar prestazzjoni tajba possibbli. Ma rridux ninsew li l-partita se tintlagħab fl-Italja bejn it-tim li qiegħed fit-tieni post tal-Grupp u t-tim li qiegħed fl-aħħar tal-Grupp. Se tkun partita mill-iktar diffiċli biex fiha nieħdu xi punti iżda l-aktar li nistgħu nagħmlu hu li nagħtu l-mija fil-mija tagħna,” kompla Ghedin.

 

L-Italja obbligata li għada tirbaħ kontra Malta biex tibqa’ tispera li tirbaħ il-Grupp. Dan għaliex il-Kroazja qegħdin fl-ewwel post tal-klassifika u għalhekk l-iskwadra ta’ Antonio Conte trid tispera li tirbaħ il-konfront dirett fil-Kroazja biex imbagħad titla’ fl-ewwel post.

 

Ghedin kien mistoqsi diversi mistoqsijiet mill-ġurnalisti Taljani preżenti fosthom mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni; Rai, Mediaset u SKY u mill-gazzetti ewlenien sportivi Taljani bħal Corriere Dello Sport, Gazzetta Dello Sport u Tuttosport.

 

“Għadni minix ċert fuq il-plejers kollha li se jibdew il-partita. Fadlilna sessjoni waħda ta’ taħriġ għada filgħodu u rrid niddeċiedi għada. Li hu żgur hu li se naddottaw pjan prudenti, nippruvaw ma nagħtux rigali, anki għax tim bħalma hu l-Italja m’għandhomx bżonn ir-rigali ta’ Malta biex jiskurjaw u jirbħu partita,” qal Ghedin.

 

Fil-konferenza stampa tkellmu wkoll Andrei Agius, difensur ċentrali u Andrew Hogg, il-gowlkiper. Il-plejer ta’ Hibernians FC qal m’għandux l-iċken dubju li l-partita ta’ għada se tkun fost l-aktar diffiċli li qatt lagħab fil-karriera tiegħu.

 

“Għada se tkun partita iebsa ħafna u speċjali ħafna għalija u għal kumplament ta’ sħabi. It-Taljani jridu jirbħu bilfors u allura se jagħmlu minn kollox biex jagħlqu l-partita kemm jista’ jkun kmieni u ma jirriskjaw xejn.”

 

Mistoqsi minn Mediaset Italia jekk għadux jemmen fil-potenzjal tiegħu li jista’ jilgħab ma’ xi klabb fl-Italja, Agius irrisponda fil-qasir,

 

“Jekk tiġi l-okkażjoni ġusta minn xi klabb, nitkellmu bis-serjeta’.”

 

Mistoqsi wkoll ma' Hogg fuq Andrea Pirlo u fuq il-fatt li Conte sejjaħlu mill-Istati Uniti, Agius irrisponda,

 

"Conte sejjaħ plejer li minkejja l-eta' tiegħu ftit hawn bħalu. Meta titkellem fuq Pirlo trid titkellem b'unur u rispett kbir."

 

Andrew Hogg, gowlkiper ta’ Malta, qal li jinsab fiduċjuż li Malta tista’ tagħti partita tajba lill-Italja. Hu ammetta li l-Italja hu tim kbir, fost l-aqwa fid-dinja mentri Malta pajjiż żgħir, iżda bi skwadra magħquda, bħal familja waħda li fil-mument opportun kapaċi jissorprendu.

 

“Min-naħa tagħna se nagħtu dak kollu li nafu u li nistgħu. Iktar minn hekk ma nistgħux nagħmlu. Imbagħad nispera li tkun il-ġurnata tagħna u li tgħina xi ftit il-fortuna. Inħossni kunfidenti ħafna,” qal Hogg.

 

Mistoqsi minn RAI TV kif jara l-fatt li Antonio Conte sejjaħ fl-iskwadra lil Andrea Pirlo mill-Istati Uniti, Hogg qal:

 

“Conte jaf sew x’inhu jagħmel. Meta nsemmu lil Pirlo qegħdin nitkellmu fuq l-aqwa ‘playmaker’ tal-Ewropa ta’ dawn l-aħħar snin. Mhux faċli ssib sostitut għalih.”

 

F’intervista li kellu wara l-konferenza ma’ SKY Italia, Hogg ġie anki mistoqsi l-opinjoni personli tiegħu fuq Gianluigi Buffon, il-gowlkiper nazzjonali tal-Italja.

 

“Ħafna jgħidu li l-aqwa gowlkiper ta’ kull żmien. Jien ma naħsibx li qatt rajt aqwa minnu. Minbarra hekk hu ġentlom kbir u idolu ta’ ħafna,” qal Hogg.

 

Għall-konferenza stampa ta’ Malta, kien hemm preżenti wkoll Bjorn Vassallo, is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Association u l-Eċċellenza Tagħha Vanessa Frazier, Ambaxxattriċi ta’ Malta, fl-Italja.   

Official Sponsors
Commercial Partners