Malta Football Association
NEWS:
Telfa minima għal Malta minn gowl dubjuż
Sep 4, 2015
Posted in:

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

 

Mark Attard, Media Officer

 

It-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Pietro Ghedin kellu telfa minima kontra l-Italja, f’partita li ntlagħbet fi Stadio Artemio Franchi u li ntemmet bi skor ta’ 1-0. Aktar minn hekk, wieħed jista jgħid li l-gowl skurjat minn Graziano Pelle’ f’nofs it-tieni taqsima, seta’ faċilment ġie mħassar għal żewġ handsballs ċari, wieħed qabel ma ngħata il-cross u l-ieħor fil-mod kif l-attakkant ta’ Southampton tefa’ fix-xibka minn taħt il-lasta.


 

Kienet wirja kbira u ta’ kuraġġ għall-Maltin. Anki jekk bħalma jagħmlu kważi dejjem, rebħu l-pussess tal-ballun minn kmieni, quddiemhom sabu difiża organizzata ħafna li ma ċediet xejn mill-bidu sal-aħħar.

 

Kienu diversi l-plejers li ġew imfaħra mill-media Taljana, iżda wieħed ma jistax ma jsemmix b’isimhom lil Rowen Muscat, li bit-teknika tiegħu, f’dik iż-żona fil-pitch viċin Andrea Pirlo, wera kemm hu u se jkun il-plejer preżent u tal-futur tal-futbol Malti.

 

Jekk kien hemm plejer li rebaħ is-simpatija tal-partitarji ta’ Firenze kien bla dubju Alfred Effiong, hekk kif is-sostituzzjoni tiegħu fl-aħħar minuti tal-partita, intlaqat b’applaws mill-isbaħ ta’ dawk kollha preżenti.

 

Imbagħad wieħed ma jistax jinsa lil Andrei Agius, leader assolut fid-difiża Maltija, bl-għajnuna ta’ sħabu minn gowlkiper li hu ċertezza bejn il-lasti u fil-kaxxa tiegħu, Andrew Hogg.

 

L-aħjar ċansijiet tal-Maltin fl-ewwel taqsima ġew minn xutt ta’ Rowen Muscat  u minn ħarba tajba ta’ Effiong li daħal fil-kaxxa Taljana u qabeż lil Bonucci biex fajjar ġmiel ta’ xutt li għadda ftit bogħod mil-lasti ta’ Buffon.

 

Il-gowl tar-rebħa tat-Taljani wasal fid-69 minuta meta Candreva, mal-linja leminija deher imiss il-ballun b’idu biex rebaħ tackle ma’ Paul Fenech, tefa’ cross għal nofs il-kaxxa ż-żgħira u Pelle’ daħal jiġri għal ballun li antiċipa b’idejh qabel Hogg u spiċċa fix-xibka.

 

Wara l-partita kienu diversi l-ġurnalisti Taljani li faħru lill-Maltin u lil Ghedin għal mod kif irnexxielu jdaħħal mentalita’ pożittiva fil-plejers Maltin li jilagħbu u jagħtu partita lil kulħadd u meta jitilfu, jagħmlu dan b’unur kbir lejn pajjiżhom.

 

Il-kontinġent sħiħ tat-tim nazzjonali wasal lura f’pajjiżna għal ħabta tal-4.00am u jinsab alloġġjat f’lukanda qabel il-partita tal-Ħadd li ġej kontra l-Azerbaijan.

 

Il-formazzjonijiet taż-żewġ timijiet kienu dawn:

 

Italja – Buffon, Chiellini, Darmian, Bertolacci (Parolo 55), Verratti (Soriano 77), Eder, Bonucci, Pelle’, Pirlo, Gabbiadini (Candreva 64), Pasqual

 

Malta – Hogg, A. Muscat, Agius, Fenech, Failla, Briffa (Sciberras 90), R. Muscat, Schembri (Kristensen 73), Borg, Effiong (Mifsud 90), Z. Muscat

 

Referee – Ivan Kruzilak (Slovakkia)

Official Sponsors
Commercial Partners