Malta Football Association
NEWS:
"Hemm bżonn li nerġgħu nirrepetu wirja bħal din. Kburi ħafna bil-plejers tiegħi" - Ghedin
Sep 4, 2015
Posted in:
Ritratt: L-Orizzont
Ritratt: L-Orizzont

 

Mark Attard, Media Officer

 

“Kuntent b’dak li taw il-plejers, inqas kuntent bir-riżultat. Telfa hi dejjem telfa u taf li lgħabt tajjeb u sejjer lura mingħajr punt. Qaluli li l-gowl kien irregolari u dan kollu jżid ir-rabja għax minn dan il-konfront stajna ma tlifnix.”


 

Dan kienet l-ewwel reazzjoni ta’ Pietro Ghedin, fil-konferenza ta’ wara l-partita meta mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti.

 

“Issa l-partita tal-Italja saret passat. Meta tiftakar tibqa’ tgħid li tlifna iżda ma kellnix nitilfu. Irridu naħsbu f’li jmiss. U din mhix ’il bogħod għax il-Ħadd li ġew nospitaw lil Azerbaijan. Hemm bżonn li l-plejers tiegħi jerġgħu jirrepetu wirja bħal din. Agħmlu dak kollu li għidtilhom biex jagħmlu. Kburi ħafna bihom,” qal il-kowċ nazzjonali Malti.

 

Ghedin konxju li għall-partita li jmiss se jkun nieqes Paul Fenech li se jkun sospiż u għal dan irrisponda li għad iris jaħseb ftit fuq min se jkun is-sostitut tiegħu u x’sistema se jaddotta.

 

Mistoqsi fuq Alfred Effiong u l-għażla li għamel li jħalli lil Michael Mifsud floku, Ghedin qal li kien hemm bżonn isir hekk u hu qiegħed hemm biex jiddeċiedi fl-aħjar interess tal-iskwadra.

 

“Irrid nirringrazzja lill-poplu ta’ Firenze taċ-ċapċipa kbira li taw lil Effiong. Kellu partita kbira u kien ħaqqu. Dawn il-partijiet tal-Italja sbieħ għalhekk ukoll. Hawn nies li jafu japprezzaw,” qal Ghedin.

 

Ghedin kien asseddjat ukoll mill-media barranija, speċjalment dik Taljana fosthom ir-RAI TV, SKY TV, MEDIASET u anki ABU DHABI. Hu ġie mfaħħar għall-wirja kbira li taw il-Maltin u għall-bidla fil-mentalita’ tal-plejers li rnexxielu jġib kemm ilu jmexxi lit-tim nazzjonali Malti.

 

Il-wirja kienet apprezzata wkoll mill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat li sellem lill-iskwadra Maltija billi ġie fid-dressing rooms tat-tim Malti biex jirringrazzja lil kulħadd. Hu kien akkumpanjat minn Edward Zammit Louis, Ministru tat-Turiżmu u minn Chris Agius, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Innovazzjoni u minn Vanessa Frazier, Ambaxxattriċi ta’ Malta fl-Italja.

Official Sponsors
Commercial Partners