Malta Football Association
NEWS:
“L-Innu Malti qatt ma kantajtu, iżda waqt l-Innu Malti ġieli bkejt” – Steve Borg
Sep 4, 2015
Posted in:
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar
  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

Mark Attard, Media Officer

 

Steve Borg hu bla dubju wieħed mill-aqwa difensuri li għandu l-futbol Malti. Beda l-karriera tiegħu ma’ Mosta FC sakemm ingħaqad ma’ Valletta FC u magħhom rebaħ il-Kampjonat BOV Premier. Minn dan l-istaġun, Borg beda ħajja u karriera ġdida f’Ċipru ma’ Aris Limassol FC.

 

Twieled fil-15 ta’ Mejju 1988 u għandu 27 sena. Fit-tim nazzjonali m’huwiex xi veteran. Kien ingħajjat fl-iskwadra għall-ewwel darba meta John Buttigieg kien fit-tmexxija tat-tim iżda minn dak iż-żmien sal-lum, sensiela ta’ injuries f’irkuptejh żammewh barra mit-tim għal ħafna partiti, kemm tan-nazzjonal u anki tal-kampjonat.


 

Ftit sigħat wara l-partita kontra l-Italja, fejn fiha kien wieħed mill-protagonisti assoluti fid-difiża Maltija, Borg jitkellem fuq din l-esperjenza fi Stadio Artemio Franchi ta’ Firenze.

 

“Kontra l-Italja ħriġna determinati li jkollna wirja tajba. Konna nemmnu li nistgħu nagħtuhom logħba tajba. L-ewwel għan kien li nikkontrollawhom u nżommuhom ’il bogħod mill-kaxxa. Konna nafu li jekk ma naqilgħux gowl kmieni konna se nikbru fil-kunfidenza u fil-fatt hekk ġara. L-ewwel taqsima stajna skurjajna aħna. Kellna żewġ ċansijiet tajbin ta’ Effiong.

 

“Fil-verita’, it-Taljani ma tantx dejquni. M’għadhomx l-Italja li kienu qabel. L-iktar plejer li għamlilna ħsara kien Pelle’. Pirlo għadu plejer kbir iżda għandu l-eta’ kontrieh. Naħseb li anki t-Taljani stess jafu b’dan kollu. Personalment ħsibt li se jkun hemm aktar nies fi stadium li jesa’ aktar minn 40,000 spettatur. Min-naħa l-oħra kont sodisfatt ħafna bil-Maltin preżenti.

 

“Għalija partitarji ta’ vera mhux minn dawk tal-paroli biss. Probabbli ħadu l-leave mix-xogħol biex jiġu Firenze jarawna. Bħala plejers meta naraw l-entużjażmu tgħina ħafna anki psikoloġikament,” jgħidli Steve Borg, fl-ewwel kummenti tiegħu f’din l-intervista.

 

Fl-aħħar sigħat, id-difensur nazzjonali tefa’ kumment b’risposta għall-kritiċi li dejjem iridu jsibu xi ħaġa ma’ xiex jaqbdu, u din id-darba, wara wirja bħal din, qabdu mal-fatt li ċerti plejers ma kantawx l-Innu Malti.  

 

“Ma tantx inħobb nużah il-facebook iżda ċerti kummenti ta’ ċerti nies importanti jdejquni. Jien l-Innu Malti qatt ma kantajtu iżda waqt l-Innu Malti ġieli bkejt. Ma narax differenza tkantawx jew le għax forsi kont qiegħed inkantah ġo qalbi. Bil-kummenti tiegħi fuq facebook ridt biss nagħti risposta għall-paroli fil-vojt,” jgħid Borg.

 

Iżda mbagħad jiftakar f’min jaf japprezza wirja ta’ dak il-livell li t-tim kellu f’Firenze...

 

“Nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministri u Segretarji Parlamentari li kellu miegħu taż-żjara ħelwa li għamlulna fid-dressing room eżatt wara l-partita. Kien hemm ukoll l-Ambaxxattriċi għal Malta u Bjorn Vassallo, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA. Meta nies bħal dawn ta’ awtorita’ jkunu preżenti fl-istadium u jiġu jifirħulek wara l-partita tħossok apprezzat għall-isforzi li tkun għamilt,” jgħidli Borg.

 

Inkellmu fuq ir-rabja li eżistiet fost il-kontinġent sħiħ fl-aħħar sigħat minn meta ħareġ biċ-ċar li l-gowl ta’ Pelle’ kien hands ball ċar u kellu jitħassar. Aktar minn hekk, qabel il-cross li minnu ġie l-gowl kien hemm hands ball ċar ieħor mal-linja ta’ plejer Taljan.

 

“Dak hu l-futbol. Kull logħba fiha l-istorja tagħha.   Sfortunatament għajjejt naqla’ gowls bi żbalji tar-referees. Kontra l-Azerbaijan qlajna gowl li kien hands ball ċar aktar minn ta’ Pelle’ u penalty ċar favurina fl-istess logħba li ma ġiex imsaffar.”

 

Nistaqsih fuq ir-referees inġenerali u jekk allura jaqbilx ma’ dak li jaħsbu ħafna nies tal-bars li r-referees ma tantx jissimpatizzaw mat-timijiet iż-żgħar.

 

“Naħseb li meta tkun deċiżjoni 50%, dejjem tmur favur it-tim il-kbir. Din esperjenzajta kemm ilhi nilgħab. Man-nazzjonal, deċiżjoni 50% tkun dejjem kontriena. L-istess f’Ċipru fejn qiegħed nilgħab; diġa’ bdejt ninduna li ċerti deċiżjonijiet imorru kontra t-tim tagħna għax klabb żgħir. U ma niddejjaqx ngħid li meta kont ma’ Valletta FC, ċerti deċiżjonijiet 50% kienu jissaffru favurina. Teżisti kullimkien din.”

 

Inkellmu fuq dik li forsi ġo fih għada tinħass bħala ferita; il-partita kontra l-Kroazja fejn ġennata ta’ ftit sekondi swietu l-karta l-ħamra, sospensjoni u anki multa mill-Malta Football Association. Konna għadna fil-bidu tal-partita meta dwell bejnu u bejn il-plejer ta’ Juventus FC, Mario Mandzukic, ġiegħlitu jolqot lill-attakkant tal-Kroazja b’irkuptejh f’wiċċu.

 

“Tgħallimt ħafna minn dik il-partita. Ma ridtx nitkeċċa jew nirritalja. Proprjament ridt noħroġ sieqi l-ewwel biex inqum qabel Mandzukic. Imma tant kemm kelli andrelina qawwija ġo fija li dak il-ħin moħħi ma ħasibx. Jiddispjaċini ħafna li ħallejt lil sħabi bi plejer inqas għal ħafna ħin kontra tim bħal Kroazja. Fl-opinjoni tiegħi huma l-aħjar tim tal-Grupp u aħjar mit-Taljani. Mat-Taljani tal-inqas kellna tliet ċansijiet, mal-Kroazja anqas tawna nifs,” jgħidli Borg.

 

Għada il-Ħadd, fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali, tintlagħab il-partita kontra l-Azerbaijan u tibda fis-6.00pm. Hi partita li wara l-wirja kontra l-Italja, ħafna qed jistennew li nieħdu xi ħaġa minnha. Il-forma li għaddejjin minnha plejers bhal l-istess Borg, Rowen Muscat, Andrei Agius u Alfred Effiong tista’ tagħmel dan kollu possibbli. Iżda dawn mhux waħedhom. Diffiċli biex wieħed jirrimarka li xi plejer Malti kien ħażin fl-aħħar ħarġa tiegħu fl-Italja.

 

Borg jgħidli li “l-Azerbaijan l-aktar tim dgħajef li bħalissa nistgħu nilagħbu miegħu f’Ta’ Qali. F’Baku lgħabna tajjeb ħafna u qlajna l-gowls fl-aħjar mumenti tagħna. Li issa jmissna f’Ta’ Qali se tiswiena. Wara l-partita tat-Taljani hawn moral ogħli fost il-plejers. Mhux faċli tilgħab żewġ partiti ta’ dan il-livell f’erbat ijiem iżda dan jgħodd għalihom ukoll.”

 

Ħaġa li ħafna jinnotaw fit-tim nazzjonali Malti ta’ dawn l-aħħar snin hi l-bidla fil-mentalita’. M’għadux tim li jilgħab biss biex jipprova ma jaqlax il-gowl. Qed naraw lit-tim joħroġ mid-difiża, jilgħab il-ballun u jipprova joħloq iċ-ċnasijiet tal-gowl.

 

“Maż-żmien il-mentalita’ tat-tim inbiddlet. Qabel konna nilagħbu biex ma naqilgħux kemm jista’ jkun gowls. Issa qed nilagħbu u noħolqu ċ-ċansijiet ukoll. M’għadux żmien li t-tim nazzjonali jaqla’ ġo fih biss.

 

“Veru li ħafna mit-taħriġ ikun ibbażat fuq id-difiża. Qed niddefendu vera tajjeb u Ghedin hu kowċ espert ta’ kif jagħlaq l-ispazji fuq wara. Iżda nixtieq kieku naħdmu xi ftit aktar fuq l-attakk. Teknikament qegħdin inkunu tajjeb ħafna u anki l-pożizzjoni tagħna fil-pitch qed tkun waħda ta’ dixxipplina stretta. Ghedin narah kowċ li jibża’ ħafna għar-riżultat.”

 

U kif sejjer f’Ċipru f’din l-esperjenza l-ġdida ma’ Aris Limassol FC ?

 

“Tajjeb ħafna.Integrajt sew fit-tim u qed nilgħab regolari. L-ewwel ġimgħatejn kienu diffiċli ħafna. Sakemm tidra l-post, il-plejers u tagħmel ftit ħbieb qatt ma tkun faċli. Imbagħad bħal qishom l-affarijiet jibdew ġejjin f’posthom waħedhom.

 

“Maħniex xi klabb kbir. Għadhom kemm ġew promossi. Hu wieħed mit-tliet klabbs ta’ Limassol. F’Limassol hemm l-Apollon, l-AEL u aħna l-Aris. Aħna l-iżgħar klabb mit-tlieta iżda dan l-istaġun għandna tragwardi ogħljin ħafna. L-ewwel partita tal-istaġun inzertat id-derby mal-Apollon u tlifna 2-1. Issa, qabel ma nżilt Malta, lgħabna kontra l-Ermis u ġejna 1-1. F’Ċipru nara li għandhom livell ta’ futbol ogħla aktar minn ta’ Malta iżda nara wkoll li ħafna plejers Maltin jistgħu jilagħbu f’dan il-kampjonat.

 

“L-aktar li mort hu biex nikber jien bħala plejer. F’Malta ma tistax tgħolli l-livell. Kien stimolu ġdid għalija,” jikkonkludi Borg.

 

Qabel ma nispiċċaw l-intervista, jibgħat messaġġ lill-partitarji Maltin.

 

“Nirringrazzja lin-nies kollha li jitilgħu Ta’ Qali jsegwu lit-tim nazzjonali. Grazzi lil kull min kien preżenti f’Firenze. Jagħmlu atmosfera sabiħa u l-appoġġ tagħhom jgħina ħafna fil-logħba.”

Official Sponsors
Commercial Partners