Malta Football Association
NEWS:
“Irridu ntejbu l-prestazzjoni li għamilna fl-Italja” – Pietro Ghedin
Sep 5, 2015
Posted in:
Ritratt: Paul Zammit Cutajar
Ritratt: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratt: Paul Zammit Cutajar
  • Ritratt: Joe Borg
  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar
  • Ritratti: Joe Borg

 

Mark Attard, Media Officer

 

Pietro Ghedin, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, flimkien mal-plejers Roderick Briffa u Andre’ Schembri, illum wara nofsinhar tkellmu f’konferenza stampa fis-sala tal-konferenzi tal-istadium nazzjonali, f’Ta’ Qali.

 

Ghedin qal li l-partita ta’ għada trid tkun ta’ livell aqwa minn dik kontra l-Italja u jekk dan iseħħ ikun possibbli li Malta tieħu xi punti.


 

“Kuntent bil-prestazzjoni tal-plejers tiegħi fl-Italja. Iżda għada jrid ikollna prestazzjoni aħjar. Min jaħseb li l-Azerbaijan hu xi tim ħażin sejjer żball kbir. Għadhom kif ħadu punt kontra l-Kroazja u din hi prova biżżejjed biex wieħed jinduna li xi ħaġa tajba għandhom żgur,” qal Ghedin.

 

Il-kowċ nazzjonali Taljan tkellem fuq il-partita bejn iż-żewġ timijiet f’Baku u qal li bi ftit aktar attenzjoni, dik il-partita ma kienet tintilef qatt.

 

“F’Baku kien hemm ċerti episodji li kkundizzjonaw il-partita. Kieku ma seħħewx ma konnix nitilfu. Iżda mhux se noqgħod naħseb fuq il-passat. L-importanti li għada l-plejers jinżlu motivati u konxji li qegħdin jirrappreżentaw lil pajjiżhom,” qal il-kowċ Taljan.

 

Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti fuq il-kundizzjoni tal-plejers wara l-battikata u l-wirja fl-Italja, Ghedin qal li kull plejer li jilgħab f’dan il-livell hu mdorri li kultant jaħbtulu partiti ġo xulxin u li Malta m’hijiex waħedha f’din is-sitwazzjoni.

 

“L-Ewropa kollha l-istess. L-Azerbaijan ukoll ġejjin minn partita li ntlagħbet fl-istess ġurnata tagħna kontra l-Kroazja. Il-plejers tagħna jidhru f’kundizzjoni tajba. Iżda bħal dejjem, jiddeċiedu dawk id-90 minuta tal-partita. Ninsab fiduċjuż għall-partita ta’ għada,” qal Pietro Ghedin.

 

Roderick Briffa, li kien captain tat-tim nazzjonali Malti kontra l-Italja, fisser il-partita ta’ għada bħala ċans tajjeb li minnha t-tim Malti jista’ jirbaħ jew jiġi draw, iżda fl-opinjoni tiegħu, kull partita fiha storja u għalhekk xejn mhu ċert qabel is-suffara finali.

 

“Għada rridu nerġgħu nkunu konċentrati u jkollna l-ħeġġa u d-determinazzjoni li kellna fl-Italja. Ninsabu preparati tajjeb u fit-taħriġ ħdimna fuq dawk l-affarijiet li l-aktar kellna bżonn nissaħħu fihom.

 

“Bħalissa teżisti għaqda kbira fit-tim. Konvinti li kapaċi nilagħbu l-partita daqs u aħjar mill-avversarji. Personalment ninsab fiduċjuż,” qal Briffa.

 

Andre’ Schembri tkellem l-aktar fuq il-partita tat-tim nazzjonali f’Baku li Malta kienet tilfet 2-0.

 

“Minn dak li rajt u esperjenzajt fl-ewwel partita mal-Azerbaijan, ma nħossx li huma aħjar minnha. Sinċermant ma nħossx li għandhom xi plejers ta’ klassi kbira u għalhekk għada rridu nkunu fl-aħjar kundizzjoni tagħna biex noħorġu bl-unuri minn konfront li mhux xi missjoni impossibbli jekk nirbħu l-punti,” qal Schembri.

 

Eżatt wara l-konferenza stampa, it-tim nazzjonali kellu sessjoni ta’ taħriġ ta’ siegħa li kienet miftuħa għall-media lokali. L-atmosfera fil-grupp kienet waħda trankwilla għall-aħħar fejn fuq wiċċ il-plejers dehret serjeta’ u konċentrazzjoni kbira.

 

Il-partita ta’ għada tibda fis-6.00pm u tixxandar diretta fuq TVM 2.

Official Sponsors
Commercial Partners