Malta Football Association
NEWS:
Punt li setgħu kienu tlieta: Malta 2 vs Azerbaijan 2
Sep 7, 2015
Posted in:
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

Mark Attard, Media Officer

 

Fl-aħħarnett, ir-riżultat finali hu dak li hu, Malta 2 vs Azerbaijan 2, iżda jekk wieħed ra l-partita jinduna li kellha żewġt uċuh kompletament differenti. L-ewwel taqsima, il-plejers tagħna kienu bħal donnhom għajjenin wara l-battikata li ħadu kontra t-Taljani u dħalna nistrieħu gowl minn taħt, iżda fit-tieni taqsima t-tim deher trasformat għal kollox u skurjajna darbtejn biex dawwarna r-riżultat għal 2-1 minn fuq. Hi ħasra li b'xi ftit diżattenzjoni, lejn l-aħħar minuti tal-partita, l-Azeri reġgħu skurjaw biex għamlu l-iskor 2-2, skor li kellu jkun dak finali.


 

Din hi prattikament l-istorja kollha tas-seba' ħarġa tat-tim nazzjonali Malti f'dan il-Grupp ta' Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej li nzertat fl-Istadium Nazzjonali, Ta' Qali, il-Ħadd 6 ta' Settembru u bdiet fis-6.00pm.

 

Mill-aħħar ħarġa kontra l-Italja, Ghedin wettaq żewġ sostituzzjonijiet, dik ta' Ryan Camilleri flok Zach Muscat u ta' Michael Mifsud li beda l-partita flok is-sospiż Paul Fenech. Il-captain tat-tim nazzjonali Malti ma setax kellu partita aħjar tant li ħadem u stinka fuq quddiem u qabel ma ġie sostitwiet, irregalalna l-40 gowl tiegħu bil-flokk tat-tim nazzjonali Malti, li bih ġab il-gowl tad-draw.

 

Il-Maltin ħadu l-kuraġġ, l-Azeri dehru għajjenin, bdew jiżbaljaw u proprju minn żball tagħhom f'nofs il-grawnd, Andre' Schembri ta' pass fit-tul 'il quddiem fuq Effiong li żmarka ruħu tajjeb ħafna, avvanza tliet passi u fajjar ġmiel ta' xutt bix-xellug għas-saqaf tax-xibka.

 

L-istadium nazzjonali sploda bil-ferħ. Malta kien irnexxielha ddawwar riżultat minn telfa għal rebħa, kien irnexxielha tagħmel reazzjoni tajba biżżejjed li tiskurja żewġ gowls fi ftit ħin. Kienet ħasra li lejn l-aħħar disa' minuti, inqbadna xi ftit fuq sieq waħda u l-Azeri ġabu d-draw minn xutt bid-dawra minn barra l-kaxxa.

 

Kien hemm ħafna fatturi għal dan ir-riżultat pożittiv. Minbarra l-wirja kbira tal-plejers kollha fit-tieni taqsima, wieħed ma jistax ma jirrimarkax save kbir li wettaq Hogg minn taħtu meta l-iskor kien 1-1. Li kieku l-affarijiet marru żmerċ f'dik l-azzjoni, forsi r-riżultat ma kienx jispiċċa hekk. 

 

Fattur ieħor kien il-bidliet li wettaq Ghedin li ġew fl-aħjar ħin u kienu dawk kollha ġusti u li jagħmlu sens fil-mument tal-partita. Biex ma ninsewx il-grupp tas-South End Core li ppustjati fil-Millennium Stand, ma qatgħu xejn mill-istorbju tagħhom favur it-tim nazzjonali Malti.

 

Issa, jmiss l-aħħar żewġ impenji ta' dan il-Grupp, f'nofs ix-xahar id-dieħel fejn it-tim jilgħab f'Oslo kontra n-Norveġja u f'Ta' Qali l-aħħar partita tal-Grupp kontra l-Kroazja.

Official Sponsors
Commercial Partners