Malta Football Association
NEWS:
“Minix kuntent bir-riżultat. Ir-rebħa ħarbitilna fl-aħħar ftit” – Pietro Ghedin
Sep 7, 2015
Posted in:
Ritratt: Joe Borg
Ritratt: Joe Borg

 

Mark Attard, Media Officer

 

Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali Malti, fil-konferenza stampa ta’ wara l-partita, qal li jiddispjaċih ħafna mill-mod kif kellha tispiċċa l-partita meta t-tim kien ferm viċin rebħa mill-isbaħ.


 

“Minix kuntent bir-riżultat. Rebħa li ħarbitilna fl-aħħar ftit. Bi ftit iktar attenzjoni stajna ġibna tliet punti. Għidtilkom minn qabel li l-Azerbaijan tim tajjeb ħafna u min ħaseb li se niddominaw kontriehom kien sejjer żball kbir.

 

“Inħoss li llum it-tim bata minn għajja mentali aktar milli dik fiżika. Iżda fit-tieni taqsima għamilna żewġ gowls kbar. It-tim kellu reazzjoni tajba u ta’ dan inħossni kuntent li l-plejers irrispondew għas-sejħa tiegħi li kien hemm bżonn iqumu ftit fuq tagħhom,” qal Ghedin.

 

Mistoqsi fuq il-partita u kif jiġġudika d-90 minuta u l-logħba inġenerali, Ghedin qal li, “Kienet partita iebsa ħafna. L-Azerbaijan kienu f’kundizzjoni tajba ħafna fl-ewwel taqsima iżda mbagħad naqsu r-rittmu fit-tieni taqsima. Aħna l-istess, wara l-partita tat-Taljani tlifna ħafna enerġija iżda rkuprajna fit-tieni taqsima,” qal Ghedin.

 

Mistoqsi l-opinjoni tiegħu fuq it-tim tal-Azerbaijan, Ghedin qal li baqa’ impressjonat bl-attakk tagħhom u l-ħeffa li jipposedu l-plejers tagħhom.

 

“Għandhom plejers veloċi ħafna l-aktar fuq quddiem. Vera ġabula d-draw minn żball tagħna iżda jien ngħid li ħafna mill-gowls fil-partiti kollha tal-futbol jiġu minn żball. Fl-aħħar ta’ kollox wieħed irid iħares lejn ir-riżultat finali u l-prestazzjoni,” temm Ghedin.

Official Sponsors
Commercial Partners