Malta Football Association
NEWS:
Il-proprjetarju ta’ Givova fl-Italja mat-tim nazzjonali Malti
Sep 7, 2015
Posted in:
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

 

Giovanni Acanfora, il-proprjetarju tal-kumpanija Givova, l-isponsor tal-ilbies u attrezzaturi oħra tat-tim nazzjonali Malti, kellu viżita ta’kortesija fil-lukanda f’Firenze fejn kien alloġġjat il-kontinġent kollu tat-tim nazzjonali Malti.

 

Din il-viżita saret il-Ħamis wara nofsinhar, ftit sigħat qabel il-partita bejn l-Italja u Malta li ntlagħbet fi Stadio Artemio Franchi.


 

Acanfora kien preżenti apposta biex jiltaqa’ mal-plejers nazzjonali u mal-istaff tekniku u jsellmilhom qabel impenn daqshekk importanti fil-kalendarju internazzjonali.

 

Hu qal li kien ta’ unur kbir għalih u għall-kumpanija tiegħu li jinvesti u jisponsorizza lit-tim nazzjonali Malti u se jibqa’ jagħmel dan anki għall-kompetizzjoni li jmiss.

 

“Malta hu post popolari ħafna fl-Ewropa u t-tim nazzjonali Malti hu reliġjon f’pajjiżu. Fl-aħħar snin kont kuntent ħafna bil-prestazzjonijiet ta’ Malta li għalkemm hu pajjiż żgħir wera li kapaċi jilgħab u jagħti sfida denja lil kull tim fl-Ewropa.”

 

“Hu għalhekk li bejn il-kumpanija tiegħi u l-Malta Football Association kompliet tikber il-ħbiberija u r-rispett fir-relazzjonijiet professjonali. Nawgura lit-tim nazzjonali kull suċċess fil-futur u ninsab ċert li l-impenji li se jkollu t-tim nazzjonali Malti fiż-żmien li ġej se jroddu lura l-investiment li Givova qiegħda tagħmel f’Malta,” qal Acanfora.

 

Il-proprjetarju ta’ Givova sab il-ħin biex jitkellem ftit mal-plejers u jieħu ritratt tal-okkażjoni magħhom. Fl-aħħar tal-viżita, hu kien preżentat bil-flokk tat-tim nazzjonali Malti ffirmat mill-plejers kollha u b’tifkira oħra tas-salib tal-Kavallieri ta’ Malta. Din il-preżentazzjoni saret lilu minn Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA.

Official Sponsors
Commercial Partners