Archives

Kunsill MFA

Published: 25-09-2015 13:30
image1 (102)
Mark Attard, Media Officer Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, qal li ġie nnotifikat mill-Pulizija ta’ Malta li fil-jiem li f’pajjiżna se jsir iċ-CHOGM u avveniment ieħor statali, il-ġranet tal-futbol Malti se jkollhom jimxu għal data oħra. Dan minħabba l-fatt li l-futbol Malti jkollu bżonn il-Pulizija fl-istadia tiegħu u mhux se jkun possibbli li dan iseħħ peress li l-Pulizija se jkunu qegħdin jaħdmu fuq l-avvenimenti statali biss.  Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, qal li l-Assoċjazzjoni kellha organizazzjoni perfetta tat-TEP li sar f'pajjiżna ftit tal-jiem ilu. Darmanin Demajo qal li tkellem ma' Michel Platini, President tal-UEFA, u kien hu stess li faħħar l-organizazzjoni ta' Malta u tal-MFA. Il-President tal-MFA faħħar lill-impjegati kollha tal-Assoċjazzjoni għax-xogħol imprezzabbli li għamlu u qal li affarijiet bħal dawn jagħmluh aktar kburi li hu Malti. Il-President tal-MFA introduċa il-Family and Football Nursery Stand. Din se tkun stand fl-istadium nazzjonali f'Ta' Qali.  L-inizzjattiva hi wkoll maħsuba biex tħajjar u tressaq spettaturi ġodda lejn il-logħba tal-futbol lokali u biex nippruvaw inrawwmu kultura ġdida fejn l-spettaturi jattendu biex apparti milli jagħtu sostenn lit-tim favorit tagħhom, jieħdu gost f’esperjenza u atmosfera ġdida flimkien ma’ oħrajn.  Millennium F se tinfetaħ għall-partiti mill-kompetizzjonijiet domestiċi kollha fl-Istadium Nazzjonali u dan biex aktar familji u tfal igawdu minn inizjattiva li tressaqhom lejn il-logħba tal-futbol biex mill-viċin isegwu l-idoli tagħhom. Is-settur se jkun miftuħ għall-familji newtrali li jħobbu jsegwu l-futbol flimkien mat-tfal tagħhom u għall-gruppi organizzati ta’ tfal taħt it-12-il sena li jkunu jridu jsegwu l-partiti mill-ogħla livell tal-futbol Malti. Il-prezz ta’ Millennium F se jkun wieħed imraħħas b’50% u b’hekk l-adulti jew anzjani akkumpanjati minn tfal ta’ taħt it-12-il sena jistgħu jidħlu fis-settur għall-prezz ta’ €3.50 l-adulti, Anzjani €2 u tfal taħt it-12-il sena jħallsu €0.50. Adulti mhux fil-preżenza tat-tfal jistgħu joqgħodu f’dan is-settur newtrali fejn id-dħul ikun bi prezz normali.   Dr Adrian Delia, Membru tal-Kunsill tal-MFA f'isem Birkirkara FC, qal li jaqbel ħafna ma' din l-inizjattiva u ssuġġerixxa lill-MFA biex fl-istand ikun hemm affarijiet li jħajjru lit-tfal jiġu l-istadium u jieħdu pjaċir. Hu talab ukoll lill-MFA biex tieħu ħsieb li din il-parti tal-istadium li se tattira l-aktar it-tfal u lill-familji, nagħmlu ċert li jkun hemm sigurta' stretta tal-Pulizija għal min jikser il-Liġi, li ma jmurx inkunu qegħdin inġibu lil xi ħadd ġdid li jispiċċa jgħid "ma rridx immur aktar", flok jgħid, "irrid nerġa' mmur l-istadium."  Dione Borg, Membru tal-Kunsill f'isem Floriana FC, ippropona li l-MFA u l-klabbs, speċjalment tal-Kampjonat BOV Premier, għandhom joħolqu Working Groups biex jaraw x'jista' jsir biex jitressqu iktar partitarji lejn l-istadia fejn jintlagħab il-futbol Malti. Borg faħħar l-inizjattiva 'Family & Football Nursery Stand' u qal li hemm bżonn ta' aktar inizjattivi bħal dawn biex jersqu aktar nies isegwu l-futbol Malti. Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, fakkar li l-MFA diġa' ħolqot Kumitat f'dan ir-rigward magħmul minn Presidenti u amministraturi fi ħdan il-klabbs tal-futbol bil-għan li matul is-sena jikkonkludu fuq proposti għall-'business plan' relatat mal-Kampjonat BOV Premier u li t-tieni laqgħa tiegħu se ssir lejn l-aħħar ta' dan ix-xahar. Lejn l-aħħar tal-Laqgħa, qamet diskussjoni dwar id-dixxipplina tal-futsal li żvolġiet f'waħda miftuħa u matura bis-Segretarju Ġenerali Bjorn Vassallo li spjega dwar id-diskussjoni li għaddejja bħalissa bejn l-MFA u Futsal Malta Association fuq diversi temi importanti għall-iżvilupp tal-logħba tal-futsal f'pajjiżna. Mark Borg, President tal-FMA, irringrazzja lill-MFA tas-sostenn li tat fl-aħħar snin lill-Assoċjazzjoni li hu jmexxi u rrimarka li fl-opinjoni tiegħu sar ħafna pożittiv iżda fejn jidħol it-tim nazzjonali tal-futsal hemm ħafna aktar fejn jista' jsir progress. Finalment, il-President tal-MFA, intervjena wkoll fid-diskussjoni u stqarr li fl-opinjoni tiegħu biex il-futsal ikompli jikber fil-livell, l-MFA u l-FMA iridu jinvestu f'aktar faċilitajiet sportivi u fi programm ta' żvilupp fil-livell ta' grassroots.