Malta Football Association
NEWS:
“Se nilagħbu kontra min irid rebħa akkost ta’ kollox” – Michael Mifsud
Oct 8, 2015
Posted in:
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

 

Mark Attard, Media Officer

 

Michael Mifsud, il-captain tat-tim nazzjonali Malti, f’kumment li ta lil dan is-sit, qal li l-partita tas-Sibt li ġej kontra n-Norveġja se tkun waħda mill-iktar diffiċli għalih u għal sħabu u l-ikbar fattur għal dan se jkun li l-Iskandinavi ma jistgħux iwaqqgħu punti kontra Malta jekk iridu japprofittaw mis-sitwazzjoni tat-tieni post li jinsabu fiha wara li x-xahar li għadda għelbu lill-Kroazja.

 

“Se nilagħbu kontra min irid rebħa akkost ta’ kollox. In-Norveġja tim tajjeb ħafna u wrew dan proprju meta rebħu lill-Kroazja. Nafu biżżejjed bis-saħħa u l-istatura li għandhom dawn il-plejers u kontriehom dejjem batejna fiżikament,” qal Mifsud.


 

It-tim nazzjonali Malti wasal f’Oslo, in-Norveġja kmieni filgħodu u kellu l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ illum fil-5.00pm. Is-sessjoni damet ftit aktar minn siegħa u kienet tikkonsisti fi 30 minuta ta’ warming up ħafif, ftit logħob individwali bil-ballun u tattika.

 

Għada filogħdu, it-tim ikollu sessjoni ta’ taħriġ oħra li tibda fl-10.00am biex immedjatament wara, issir il-konferenza stampa ta’ ġurnata qabel il-partita. Dan kollu se jsir fl-Ulevaal Stadium ta’ Oslo. L-informazzjoni li għandu dan is-sit tgħid li l-Ulevaal Stadium hu mibjugħ kollu għas-Sibt li ġej, li jfisser kważi 30,000 spettatur se jkunu preżenti jistennew tliet punti oħra mit-tim ta’ pajjiżhom.

 

Rigward dan, Mifsud jgħid:

 

“L-atmosfera li jagħmlu dawn in-nies fl-istadium tkun sabiħa ħafna. Jien naf biżżejjed għax lgħabt hawnhekk lura fiż-żmien. Se tkun esperjenza unika u ta’ pjaċir li tilgħab kontriehom. Qed inħares lejn din il-partita b’ottimiżmu,” temm jgħid Mifsud, li proprju għadu l-aktar plejer popolari Malti f’dawn in-naħat tal-Ewropa.

 

Mifsud lagħab għal diversi snin ma’ Lillestrom u baqa’ popolari ħafna għall-veloċita’ li jipposedi u għall-gowls li kien skurja lura fiż-żmien, tant li l-media Norveġiża diġa’ bdiet tiffoka l-aktar fuqu, bir-rikjesti għal intervisti li kellha għalih l-MFA.

 

Malta kontra Norveġja tintlagħab is-Sibt li ġej fis-6.00pm u l-partita se tixxandar diretta fuq TVM 2. Fin-Norveġja, it-temperatura żgur li mhux xi waħda favorevoli għall-Maltin. Illejla qiegħda erba’ gradi celcius mentri għas-Sibt waqt il-ħin tal-partita, mistennija tinżel għal żewġ gradi jew saħansitra grad.

 

Dan is-sit tkellem ukoll ma’ Clayton Failla, il-plejer ta’ Hibernians FC. Id-difensur laterli Malti qal li għat-tim Malti se tkun partita diffiċli bħal dawk kollha li jiffaċċja t-tim Malti iżda kunfidenti li b’wirja oħra tajba jista’ jasal riżultat tajjeb.

 

“Irrid nerġgħu nuru l-istess karattru li urejna kontra l-Italja u fit-tieni taqsima kontra l-Ażerbaijan. Nemmen li jekk inkunu tajbin hekk xi ħaġa tajba nistgħu noħolqu wkoll minn din il-partita.

 

“Nafu li mhux se tkun partita faċli. Kontra l-Iskandinavi dejjem inbatu xi ftit. Jipposedu statura u saħħa enormi. Iżda nistgħu nissorprendu wkoll. L-importanti li noħorġu konċentrati u ma nibżgħux minnhom. Se nagħtu l-mija fil-mija tagħna,” jtemm jgħid Failla.

Official Sponsors
Commercial Partners