Malta Football Association
NEWS:
"In-Norveġja se jilagħbu l-kwalifikazzjoni f'dawn id-90 minuta" - Ghedin
Oct 9, 2015
Posted in:

 

Mark Attard, Media Officer

 

Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali Malti, f'konferenza stampa li saret dalgħodu eżatt wara li ntemmet is-sessjoni ta' taħriġ, qal li din hi l-iktar partita diffiċli ta' Malta f'dan il-Grupp, u dan minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni ġiet kif ġiet għan-Norveġiżi bir-rebħa kontra l-Kroazja u m'hemmx dubju li għada se jippruvaw jagħmlu minn kollox biex jiskurjaw kmieni u jagħlqu l-partita.


 

"In-Norveġja se jilagħbu l-kwalifikazzjoni f'90 minuta kontriena. Se tkun partita differenti ħafna minn dik li konna rajna f'Ta' Qali. Dik il-partita kienet ħażina ħafna min-naħa tagħna. Konna għamilna tlett iżbalji u sofrejna tliet gowls. U xorta ngħid li bħalissa, iż-żewġ naħat jinsabu f'forma aħjar milli kienu dakinhar," qal Ghedin fl-ewwel kummenti tiegħu lill-media preżenti.

 

Mistoqsi fuq il-kundizzjoni tal-plejers tiegħu, Ghedin qal li mentalment kollha jidhru fl-aħjar kundizzjoni u fiżikament mhux b'inqas.

 

"Ninsab konvint li nistgħu nagħmlu partita tajba. Irridu nkunu konċentrati tul id-90 minuta u ma nwettqux żbalji. Importanti ħafna li nagħlqu l-ispazji kollha u nużaw is-saħħa kollha li għandna mill-ewwel sad-90 minuta," qal Ghedin.

 

Mistoqsi mill-media Skandinava fuq Michael Mifsud, il-captain tat-tim nazzjonali Malti u fuq kemm jista' jimmotiva l-plejers tiegħu meta hu stess lagħab għal diversi snin fin-Norveġja ma' Lillestrom, Ghedin qal:

 

"Mifsud għal Malta hu champion kbir. U mhux għal Malta biss iżda għall-futbol Ewropew. Skurja 40 gowl li mhux faċli tagħmilhom mal-aqwa tim, aħseb u ara ma nazzjon żgħir bħal Malta."

 

Ghedin ġie mistoqsi wkoll fuq il-formazzjoni li beħsiebu jilgħab għada u fuq it-tattika li se jaddotta, iżda b'mod ċajtier, ħoloq atmosfera u tbissima fis-sala.

 

"Ma nafx. Għadni ma ddeċidejtx. Se naħseb fuq dan kollu u ngħidilkom għada siegħa qabel il-partita," temm Ghedin.

 

Ovvjament, il-media kollha jafu li dak il-ħin, il-formazzjoni taż-żewġ timijiet tkun uffiċjali dejjem.

 

Tkellem ukoll Alex Muscat, id-difensur nazzjonali ta' Malta u ta' Sliema Wanderers FC, li f'ħafna mid-diskors tiegħu qabel mal-kowċ nazzjonali.

 

"Se tkun partita mill-iktar diffiċli. L-Iskandinavi b'saħħithom ħafna u jiġru u donnhom ma jistrieħu qatt. L-iktar li huma veloċi mal-linja bħal kull tim ieħor u għalhekk għalija se tkun partita oħra li fiha rrid niġri u nitħabat għal kull ballun sad-90 minuta.

 

"Irridu nżommu l-ogħla livelli tagħna possibbli biex nagħmlu wirja tajba u nippruvaw nieħdu xi ħaġa minn konfront li l-avversarji tagħna jridu jirbħu bilfors. Minix qalbi maqtugħa. B'wirja kollettiva tajba nistgħu nġibu riżultat tajjeb," temm Muscat.

Official Sponsors
Commercial Partners