Malta Football Association
NEWS:
"Għamilna dak kollu li stajna. Il-plejers taw il-mija fil-mija" - Ghedin
Oct 10, 2015
Posted in:
Ritratt: Paul Zammit Cutajar
Ritratt: Paul Zammit Cutajar

 

Mark Attard, Media Officer

 

Pietro Ghedin, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, ftit wara li ntemmet il-partita bejn in-Norveġja u Malta, tkellem f'konferenza stampa u qal li jinsab kuntent bil-wirja qalbiena li taw il-plejers tiegħu filwaqt li faħħar lin-Norveġja u l-qawwa, is-saħħa u l-veloċita' tagħhom.


 


 

"Il-plejers tiegħi taw il-mija fil-mija tagħhom. Ninsab kuntent għax ħarġu qalbhom u baqgħu jissieltu għal 90 minuta sħaħ. Sfortunatament għalina, in-Norveġja huma b'saħħithom u veloċi ħafna u aktar minnhekk, kienu determinati li jirbħu akkost ta' kollox biex jilagħbu l-aħħar partita tagħhom kontra l-Italja t-Tlieta li ġej u jibqgħu b'ċans tajjeb li jikkwalifikaw," qal Pietro Ghedin.

 

Mistoqsi fuq kif jara t-tim n-Norveġiż u ċ-ċansijiet tagħhom li jikkwalifikaw, Ghedin qal li baqa' impressjonat bil-ħeffa u s-saħħa li jipposedi dan it-tim u żgur li qegħdin b'ċans tajjeb li fis-sajf li ġej narawhom fil-Kampjonati Ewropej.

 

"In-Norveġja qegħdin fit-tieni post. Mhux ċajta. Fadlilhom jilagħbu l-aħħar partita t-Tlieta li ġej kontra l-Italja u l-aħbar tajba għalihom hi li l-Italja kwalifikaw illum bir-rabħa ta' 3-1 fl-Azerbaijan. Nara dan it-tim Norveġiż bħala wieħed mill-aqwa tal-Ewropa għall-futur. Jekk wieħed jara l-eta' tal-plejers tagħhom isib li hu tim pjuttost ta' eta' żgħira," qal Ghedin.

 

Mistoqsi jekk kienx qed jistenna partita ta' dan it-tip u kif jikkumpara t-tim Norveġiż mat-tim Taljan, anki għax Malta tilfet darbtejn kontra t-Taljani bi skor ristrett ta' 1-0, il-kowċ nazzjonali Malti qal li kien qed jistenna partita tipika li jilagħbu l-Iskandinavi ta' saħħa, ġiri u ħeffa għal 90 minuta sħaħ, kif filfatt ġara.

 

"Bsart li tista' tkun l-iktar partita diffiċli. L-aħħar riżultat li kisbu n-Norveġja kien qed jindika dan kollu. U għalhekk li meta nieħu dan kollu inkonsiderazzjoni, ma nistax ma nfaħħarx lill-plejers tiegħi li minkejja l-limitazzjonijiet li għandna, taw kull ma setgħu tul id-90 minuta," temm Ghedin

Official Sponsors
Commercial Partners