Malta Football Association
NEWS:
"Nispera li jirnexxielhi nwassal lit-tim Malti fejn dejjem ħlomt" - Ghedin
Oct 12, 2015
Posted in:
Ritratti: Joe Borg
Ritratti: Joe Borg

  • Ritratti: Joe Borg

 

Mark Attard, Media Officer

 

Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali Malti, fil-konferenzta stampa ġurnata qabel il-partita ta' għada kontra l-Kroazja, qal li l-ħolma li għandu f'ħajtu hi dik li għall-futur jirnexxielhu jwassal lit-tim nazzjonali f'livelli aktar ogħljin fejn dejjem xtaq, iżda biex isir dan hemm bżonn li tinbidel xi ftit il-mentalita' u l-ħsibijiet ta' kif wieħed iħares lejn il-futbol f'dan il-pajjiż.


 

"Ma tantx għandna ċans nibdlu ħafna plejers u nibdlu t-tattika. M'għandnix ħafna ħin. Dħalna lura min-Norveġja dan il-lejl wara vjaġġ pjuttost twil. Irridu naħdmu b'dak li jagħtuna l-klabbs. Nisperaw li nieħdu ftit minn dak li konna għamilna flimkien sa sena u nofs ilu qabel ma kienet waqfet is-sistema tat-taħriġ mat-tim nazzjonali. Xorta minix se naqta' qalbi. Nispera li jirnexxielhi nwassal lit-tim nazzjonali Malti għal-livelli li dejjem ħlomt," qal Ghedin fl-ewwel kummenti tiegħu.

 

Mistoqsi fuq il-plejers nazzjonali u fliema stat u kundizzjoni jinsabu, Ghedin qal li l-plejers reġgħu bdew jirkupraw l-enerġija li tilfu kontra n-Norveġja u s'għada mistennija jkunu kollha f'kundizzjoni tajba. 

 

"Għada qed nistenna prestazzjoni tajba. Irridu ntejbu l-prestazzjoni tagħna fuq in-Norveġja. Wieħed ma jistax jinsa li qlajna l-gowl kontra n-Norveġja f'mument fejn konna qed nilagħbu b'10 plejers peress li Alex Muscat kien qiegħed jiddewwa barra. It-tieni gowl ġie kif ġie u kellu doża qawwija ta' sfortuna. Għada rridu nuru li aħna aħjar milli konna kontra n-Norveġja," qal Ghedin.

 

Għal darb'oħra, Ghedin reġa' ġie mistoqsi fuq Michael Mifsud u jekk għandux ideat ċari fuq il-formazzjoni ta' għada.

 

"Jilgħab jew ma jilgħabx, Mifsud jibqa' plejer kbir u uniku għal Malta. Għal għada għadni ma ddeċidejtx min se jilgħab u min m'hux. Irridu naraw kif tevolġi l-partita wkoll matul id-90 minuta. Iżda meta ssemmu lil Mifsud qegħdin issemmu leġġenda għal dan il-pajjiż u ħaqqu kull tifħir għal dak li għamel u li għad irid jagħmel," qal Ghedin.

 

Mistoqsi fuq il-futur tiegħu u jekk il-partita ta' għada tistax tkun l-aħħar waħda jew dik ta' qabel tal-aħħar, Ghedin deher rilassat u rrisponda b'mod mill-aktar onest.

 

"Fadalli kuntratt sa Diċembru. Malta se tilgħab partita oħra ta' ħbiberija x-xahar id-dieħel kontra l-Ġordan. Iżda minix naħseb fuq dan kollu. Bħalissa ejjew nikkonċentraw biss fuq għada. Hu dak l-aktar li jgħodd. Bħalissa agħtuni ċans naħseb fuq il-partita tal-Kroazja. Wara din il-partita jew wara l-oħra se nitkellem mal-MFA u niddeċiedu flimkien. U meta niddeċiedu se tkunu tafu kollha," temm Ghedin.

 

Għal din il-konferenza tkellem ukoll Steve Borg, id-difensur nazzjonali Malti li fl-opinjoni tiegħu l-Kroazja hu tim ta' ħafna aktar saħħa minn Norveġja.

 

"Anqas għandi l-iċken dubju li l-Kroati ħafna aħjar minn Norveġja. Irridu nieqfu nagħmlu żbalji li nistgħu nevitaw. Jekk irridu li għada mmorru tajjeb irridu noħorġu l-aħjar tagħna. Kunfidenti li nistgħu nilagħbu partita li tagħmel unur lilna u lil pajjiżna," qal Borg.

 

Mistoqsi mill-media lokali fuq l-esperjenza tiegħu fil-kampjonat Ċiprijott, Borg qal li esperjenza ta' futbol barra minn Malta hi dejjem ogħla fil-livell minn dik f'pajjiżna. 

 

"Il-livell tal-kampjonat Ċiprijott u aħjar minn dak f'Malta. Ninsab għal qalbi ħafna u personalment inħossni żidt aktar fil-livell. Forsi llum nista' ngħin lit-tim nazzjonali xi ftit aktar minn kemm kont ngħinu qabel ma' mort barra. Madankollu nibqa' kburi li jien Malti," temm Borg

Official Sponsors
Commercial Partners