Malta Football Association
NEWS:
"Nirringrazzja lil kull min kien parti minn dan il-grupp" - Ghedin
Oct 14, 2015
Posted in:
Ritratt: Joe Borg
Ritratt: Joe Borg

Mark Attard, Media Officer

 

Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali ta' Malta, ftit minuti wara li ntemmet il-partita kontra l-Kroazja, poġġa għall-konferenza stampa u rringrazzja lil kull min kien parti minn dan il-grupp għal dawn il-partiti ta' kwalifikazzjoni għall-Euro 2016.

 

"Għandi biss kliem ta' tifħir għall-plejers kollha li kienu parti minn dan il-grupp. Għandi biss kliem ta' tifħir lejn kull membru tal-istaff li kien membru u li flimkien ħloqna xi ħaġa li laħqet l-ogħla livelli possibbli għal pajjiż bħal Malta. Ninsab ċert li fil-futur, it-tim Malti se jkompli jibni fuq dan kollu."

 

Il-kowċ Taljan irringrazzja lill-Pulizija ta' Malta u n-nies li ħadu ħsieb is-sigurta' fl-Istadium Nazzjonali li bis-saħħa tax-xogħol tagħhom ma nqalax inċident wieħed u assistejna għall-partita sabiħa.

 

"Fil-bidu kien hawn xi ftit tal-biża' li stajna nsibu l-problemi biex nidħlu fl-Istadium u li jinqalgħu xi inċidenti fl-Istadium waqt il-partita. Iżda kollox deher kalmu u l-pubbliku preżenti ġie biss biex jara partita futbol u jieħu pajċir. Nixtieq nirringrazzja lill-Pulizija ta' Malta u lill-membri tas-sigurta' li bis-saħħa tagħhom kollox mexa kif suppost," qal Ghedin.

 

Mistoqsi minn ġurnalisti oħra barra mill-kamra tal-konferenzi fuq il-futur tiegħu, Ghedin qal:

 

"Għadni ma tkellimt ma' ħadd u ħadd ma kellimni. Irrid niltaqa' mal-uffiċjali tal-MFA rigward dan kollu. Fadalli kuntratt sa Diċembru u sa dakinhar, għandna partita oħra ta' ħbiberija x-xahar id-dieħel. Qabel jew wara din se nitkellem u naraw xi jkun l-eżitu tal-laqgħa. Nibqa' jew ma nibqgħax kowċ ta' Malta, l-importanti hu li l-futbol Malti u t-tim nazzjonali Malti jibqa' jġib riżultati rispettabbli. Jien għamilt dak kollu possibbli, il-plejers ukoll. Iżda dejjem nistgħu ntejbu xi ftit aktar u jekk se nibqa' jien il-kowċ irrid nara u nkun ċert li dan iseħħ," temm Ghedin.


Official Sponsors
Commercial Partners