Malta Football Association
NEWS:
Laqgħa tal-Kunsill tal-MFA
Oct 27, 2015
Posted in:

 

Mark Attard, Media Officer

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, fetaħ il-Laqgħa tal-Kunsill, billi wera s-sogħba għall-mewt ta' omm is-Sur Tony Zarb, il-Manager tas-Centenary Stadium. Dan kollu kien reċiprokat mill-kamra tal-Kunsill tal-MFA.

 

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, qal li ġew mitluba mill-Pulizija ta' Malta biex jiċċaqalqu xi fixtures tal-MFA minħabba l-avveniment taċ-CHOGM f'pajjiżna. Dan minħabba l-fatt li jista' jkun ma jkunx hawn biżżejjed Pulizija f'pajjiżna. Fil-Kampjonat BOV Premier, dan se jaffettwa tmiem il-ġimgħa ta' Match Day 13 u li dawn se jimxu għal nofs il-ġimgħa ta' wara, li d-dati jkunu bejn l-1 u t-2 ta' Diċembru 2015.


 

Bjorn Vassallo qal li l-MFA irċiviet ittra minn Giorgio Marchetti f'isem il-UEFA, fejn feraħ lill-Assoċjazzjoni u lill-ħaddiema tagħha għall-mod kif ħadmet fil-partita kontra l-Kroazja. Vassallo qal li din kienet partita 'high risk' anki minħabba l-fatt li t-tim nazzjonali Kroat għandhom partitarji mal-Ewropa kollha li jidħlu fl-istadiums biex jagħmlu ħerba u jwaqqfu l-partita. L-MFA ħadmet fuq dan kollu u rat li dan ma jiġrix f'pajjiżna u dan irnexxha mija fil-mija.

 

Vassallo qal li l-MFA kienet irċiviet ilment fuq l-imsemmi partita rigward il-konferenza stampa tat-tim nazzjonali Malti ta' ġurnata qabel il-partita. Din l-ittra kienet miktuba bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports ta' Malta u tal-Kroazja fejn fiha ilmentaw li xi ġurnalisti tħallew barra u ma daħlux fl-istadium nazzjonali għal din il-konferenza. Vassallo qal li rrisponda lura lil dawn l-għaqdiet fejn fiha spjega li kienet il-UEFA li ħadet din id-deċiżjoni li tagħlaq l-istadium nazzjonali hekk kif tibda l-konferenza stampa u dan minħabba prekawzjoni ta' sigurta' wkoll.

 

Vassallo feraħ lis-Sur Clayton Pisani, referee Malti fuq il-FIFA Panel, għall-kontroll eċċellenti li kellu fil-partita tal-Europa League bejn Sporting Lisbon u Skanderbeu. Vassallo qal li wirjiet bħal dawn jagħmluni kburin li Maltin, filwaqt li jispera li għaż-żmien li ġej, Malta jkollha aktar appuntamenti bħal dawn.

 

Vassallo qal li l-MFA innominat lis-Sur Joe Cassar Naudi, eks-referee internazzjonali biex ismu jitniżżel fil-Hall of Fame tal-Kumitat Olimpiku Malti. L-MFA innominat ukoll lit-tim nazzjonali Malti ta' taħt il-21 sena li s'issa fl-aħħar ħames partiti barra minn darna, Malta kisbet ħames punti. It-tim nazzjonali Malti fadallu jilgħab ħames partiti f'darna u l-punti jistgħu saħansitra jiżdiedu.

 

Norman Darmanin Demajo qal li fl-aħħar laqgħa tal-Eżekuttiv tal-MFA kien hemm kummenti pożittivi favur Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali Malti. Darmanin Demajo qal li d-deċiżjoni finali għada ma ttiħdietx u d-diskussjoni miegħu se tibda f'Jannar li ġej. 

 

Darmanin Demajo qal li qabel ma jibdew il-partiti tal-Grupp ta' Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li jmiss, Malta jista' jkun li tilgħab partiti ta' ħbiberija kontra r-Repubblika Ċeka, l-Irlanda ta' Fuq, l-Awstrija u l-Estonja.

 

Fl-aħħar tal-Laqgħa, Darmanin Demajo tkellem dwar il-presidenza tal-FIFA. Darmanin Demajo qal li l-MFA dejjem kienet konsistenti u saħansitra fil-Kungress tal-FIFA fl-2011, l-MFA kienet kontra li Sepp Blatter jerga’ jinħatar President u għalkemm ma kellux kontestazzjoni, il-vot tal-Assoċjazzjoni Maltija kien wieħed fost is-17-il vot kontra li kellu l-istess Blatter minn total ta’ 209.  

Il-President tal-MFA qal li qabel l-aħħar elezzjoni tal-FIFA li saret f'Mejju 2015, kien qed jinħass, specjalment fl-Ewropa, li żmien Blatter kien verament spiċċa iżda l-UEFA ma kellhiex kandidat denju wara li Michelle Platini kien gie elett għal terminu ta’ 4 snin oħra bħala President tal-UEFA u ma riedx jikkontesta lil Blatter. "Ġara li f'Jannar li għadda, il-UEFA talbitni nuri kuraġġ u nkun wieħed minn dawk li għandi ninnomina lill-Prinċep Ali tal-Ġordan," qal il-President tal-MFA. Ma' Malta, il-Prinċep Ali kellu erba' nominazzjonijiet oħra; dik tal-Ingilterra, il-Ġorgja, il-Belarus u l-Istati Uniti. 

Darmanin Demajo kompla jispjega li r-relazzjoni personali mal-Princep Ali bdiet fi Frar ta’ din is-sena meta l-Prinċep Ali  talbu jmur miegħu għall-Kungress tal-bosta Konfederazzjonijiet. "Jien ridt inkun ċert li qabel nikkommetti ruħi jkolli l-appoġġ tal-UEFA dwar dan u anki f’din iċ-ċirkostanza l-UEFA tawni l-kuraġġ biex immur mal-Prinċep Ali u nagħtih is-sostenn," qal Darmanin Demajo. L-objettiv kien li l-Princep Ali kellu jkun kandidat b’saħħtu biżżejjed biex jikkonfronta lil Sepp Blatter fl-elezzjoni ta’ Mejju. 

Fl-elezzjoni ta’ Mejju Sepp Blatter rega’ kien elett b’133 vot favur u 73 vot kontra. Darmanin Demajo spjega li fil-bidu ta’ Ġunju, Sepp Blatter irriżenja u li l-Prinċep Ali kien ċempillu xi ġimgħatejn wara biex jirringrazzjah ta' kollox. Ir-relazzjoni personali u professjonali bejn l-ogħla uffiċjal tal-MFA u l-Princep Ali kienet waħda tajba ħafna, anki minħabba l-fatt li t-tnejn jaqsmu l-istess viżjoni dwar il-futbol, fosthom dik li permezz tal-futbol għandhom jinfetħu opportunitajiet li minnhom igawdu dawk lanqas ixxurtjati u fil-bżonn permezz tar-Responsabbilta’ Soċjali. 

"Sadanittant fil-FIFA inqala' dak kollu li nqala' u f'Lulju reġa' ċempilli l-Prinċep biex jara jekk nerġax ninnominah għall-elezzjoni li ġejja. F'diskussjonijiet li Platini dejjem kellu mal-Assoċjazzjonijiet Ewropej dejjem qal li l-FIFA mhux ta' interess għalih, għalhekk tajt il-kelma tiegħi li ninnomina lill-Princep Ali," qal Darmanin Demajo.

Darmanin Demajo qal li ma' Platini kien reġa' tkellem waqt it-TEP li sar f'Malta ftit tal-ġimgħat ilu u għarfu bl-intenzjoni tiegħu. Sadanittant, il-FIFA ssospendiet lill-President tal-UEFA, Michelle Platini u għalhekk il-kwistjoni tan-nomina spiċċat ma kellix wisq rilevanza. 

"Fit-12 ta' Ottubru li għadda bgħatt in-nomina tiegħi lill-Prinċep Ali tal-Ġordan biex tiżdied mal-oħrajn u b’hekk ikun jista’ jikkontesta,” saħaq Darmanin Demajo. 

Il-President tal-MFA qal li lbieraħ sar jaf li Gianni Infantino, Segretarju Generali tal-UEFA, kien iddeċieda wkoll li se jikkontesta l-kariga. "Jien għandi l-prinċipji u l-valuri tiegħi wkoll u la tajt kelma lil xi ħadd, issa mhux se naċċetta li nbiddel il-ħsieb tiegħi," ikkonkluda Darmanin Demajo, fost applawz ta’ sostenn mill-Kunsilliera tal-MFA. 

Official Sponsors
Commercial Partners