Archives

Il-Malta Football Association tirringrazzja lil Calcio Catania u lil Torino FC

Published: 03-01-2012 03:05
 Permezz ta’ din l-istqarrija, il-Malta Football Association tirringrazzja lil Calcio Catania S.p.A. u lil Torino Football Club S.p.A. tal-parteċipazzjoni fit-training camps rispettivi u fl-avveniment Trofeo Portomasolive.com 2011.  Hu ta’ sodisfazzjon għall-Malta Football Association li uffiċjali għolja taż-żewġ klabbs Taljani stqarrew li l-faċilitajiet u s-servizz offruti mill-MFA kienu ta’ livell għoli u li għaldaqstant kienu sodisfatti bit-trattament mogħti.  L-MFA tixtieq tirringrazzja wkoll liż-żewġ lukandi, il-Grand Hotel Excelsior u l-Le Meridien St. Julian’s Hotel & Spa, li ospitaw lil dawn iż-żewġ timijiet bl-aktar mod professjonali. L-MFA tagħmel referenza wkoll għall-konferenza stampa tad-Direttur Ġenerali ta’ Calcio Catania S.p.A., is-sur Pietro Lo Monaco, u filwaqt li tirringrazzjah tal-kummenti pożittivi li għamel fil-konfront tal-MFA, b’dispjaċir tiddisassoċċja ruħa mill-kummenti li s-sur Lo Monaco għamel fuq il-lukanda Le Meridien St. Julian’s Hotel & Spa. Il-kummenti tas-sur Lo Monaco huma osservazzjonijiet strettament personali u fl-ebda ħin m’għandu jiġi miftiehem li l-MFA taqbel mal-kummenti li għamel fil-konfront tal-istess lukanda. Ta’ min jirrimarka li Calcio Catania S.p.A. għażlu l-lukanda Le Meridien St. Julian’s Hotel & Spa permezz tal-aġenzija Taljana Media Sport Event, liema aġenzija ħadmet mal-istess lukanda fil-passat u r-relazzjoni professjonali bejn iż-żewġ naħat kienu dejjem eċċellenti. L-MFA ma taqbilx partikolarment ma’ frażijet tas-Sur Lo Monaco meta ddikjara li l-lukanda mhix attrezzata biex tospita klabbs tal-futbol professjonali. Għalkemm l-MFA mhux obbligata tidħol fil-mertu tal-każ, matul l-aħħar snin il-lukanda Le Meridien St. Julian’s Hotel & Spa ospitat bosta timijiet minn diversi assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, liema timijiet ġew f’Malta biex jilagħbu kontra s-selezzjonijiet tat-timijiet nazzjonali Maltin, u kif ukoll ospitat klabbs ta’ fama mondjali fosthom, Juventus FC u Parma FC, liema klabbs kienu sodisfatti bis-servizz li ngħataw mil-lukanda. L-MFA tikklassifika lil Le Meridien St. Julian’s Hotel & Spa bħala waħda mill-aqwa lukandi fil-livell ta’ ħames stillel fil-pajjiż u fost l-iktar preferuti tagħha.  Mark AttardMalta Football AssociationPress Officer