Malta Football Association
NEWS:
Ġordan 2 vs Malta 0
Nov 11, 2015
Posted in:
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

 

Mark Attard, Media Officer

 

It-tim nazzjonali Malti kellu telfa ta’ 2-0 kontra l-Ġordan, f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet illum fl-4.00pm, ħin ta’ Malta, fil-Maltepe Stadium, f’Istanbul, it-Turkija.


 

Għal din il-partita, Pietro Ghedin seta’ jesperimenta diversi żgħażagħ ġodda li anki jagħmlu parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena. Fosthom kollha, kellhom wirja tajba ħafna Llewelyn Cremona ta’ Valletta FC u Ryan Camenzuli ta’ Birkirkara FC.

 

Il-wirja tal-Maltin ma kinitx negattiva. Fl-ewwel taqsima għarafna nżommu l-periklu ’l bogħod mil-lasti tagħna u taqta’ l-gowl tal-vantaġġ tal-Ġordan li wasal minn nofs raqda tad-difiża Maltija, u li ġie skurjat fil-11-il minuta logħob minn Hamzah, l-avversarji tagħna ħolqu ftit azzjonijiet...jew kważi xejn.

 

Wieħed ma setax ma jinnutax id-diversi plejers li kellu neqsien mill-iskwadra l-kowċ nazzjonali Malti, b’fuq quddiemnett Rowen Muscat, Ryan Camilleri  u Zach Muscat, li tħallew barra ftit sigħat qabel ma l-iskwadra qabdet l-ajruplan tagħha lejn it-Turkija.

 

M’hemmx dubju li l-gowls tal-Ġordan reġgħu waslu minn żbalji żgħar tagħna stess. Imbagħad is-solitu storja, meta nkunu fuq l-offensiva, il-ballun bħal donnu jkun ordnat ma jaqbisx il-linja l-bajda tal-gowlkiper avversarju tagħna.

 

Fit-tieni taqsima, konna ħafna aħjar mill-ewwel waħda, u ħafna aħjar mill-avversarji tagħna. Fis-67 minuta, Cremona kien għoddu niżżel ismu fl-Istorja tal-futbol Malti, hekk kif iddebutta mill-flok nazzjonali tal-ewwel tim u wara biss tliet minuti qabad ballun f’nofs il-grawnd, avvanza bih u fajjar ġmiel ta’ xutt minn barra l-kaxxa li stampa mal-wieqfa, bil-gowlkiper Ġordaniż megħlub.

 

Żewġ minuti wara, kien Camenzuli li mal-linja għadda tajjeb u spara ġmiel ta’ xutt lejn ir-rokna li l-goelkiper tar minn tulu u laqa’ tajjeb, bil-ballun jaħbat għal darb’oħra mal-wieqfa u jispiċċa ftit barra.

 

Fl-74 minuta, Malta ingħatat freekick minn barra l-kaxxa li ħa r-responsabbilta’ tiegħu Andrei Agius. Ix-xutt b’saħħtu kien ċentrali wisq biex seta’ jaħsad lill-gowlkiper avversarju.

 

Fid-90 minuta, meta kollox kien qed jindika li l-partita se tispiċċa 1-0, u bil-Maltin li xeħtu kollox fuq l-attakk, wasal it-tieni gowl tal-Ġordan minn kontrattakk ta’ Bakheet li qabeż lil Hogg u tefa’ f’xibka vojta.

 

Mas-suffara finali, seta’ jidher anki l-ħbiberija sinċiera bejn iż-żewġ Assoċjazzjonijiet. L-Istadium kien miftuħ biss għal dawk mistiedna miż-żewġ pajjiżi, iżda l-mistieden speċjali kien bla dubju l-Prinċep Ali Bin Hussein, wieħed mill-kandidati għall-kariga ta’ President tal-FIFA, li tul il-partita deher jitkellem u jiċċajta għal ħafna mill-ħin ma’ Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo, President u Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Association.

 

Il-kontinġent Malti jidhol lura Malta għada filgħodu għal ħabta tal-10.30am.

 

It-tim Malti lagħab b'din il-formazzjoni:

 

Hogg, Borg, Zerafa (E Briffa 81), Sciberras (Borg 87), Agius, Fenech (Cremona 64), Failla (Camenzuli 58), Briffa (Mifsud 54), Bugeja, Kristensen (Schembri 71), Effiong

 

Referee - Baris Simsek (Turkija)

Official Sponsors
Commercial Partners