Malta Football Association
NEWS:
Taħt is-17 u d-19-il sena: Jitilgħu l-poloz tal-Gruppi tal-Kampjonati Ewropej
Dec 3, 2015
Posted in:
General

 

Ftit tal-ħin ilu, fil-Kwartieri tal-UEFA f’Nyon, l-Isvizzera, ittellgħu l-poloz tal-Gruppi ta' Kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej ta’ taħt id-19 u 17-il sena fejn fiż-żewġ kompetizzjonijiet Malta se tilgħab partiti mill-iktar interessanti u diffiċli.

 

Fil-kompetizzjoni ta’ taħt id-19-il sena, Malta ttellgħet biex tilgħab fi Grupp 10 kontra s-Serbja, l-Isvezja u l-Moldova. Dawn il-partiti jintlagħbu fis-Serbja fid-9, fil-11 u fl-14 ta’ Novembru 2016. L-iktar interessanti minn din il-polza hu l-fatt li dawn iż-żewġ timijiet diġa’ ltaqgħu fil-kompetizzjoni li għaddiet ta’ taħt is-17-il sena fis-Serbja.

 

It-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena, ukoll ittellgħa biex jilgħab fi Grupp 10 flimkien mal-Portugal, Wales, u l-Iskozja. Dawn il-partiti jintlagħbu fil-Portugal fis-16, fit-18 u fil-21 ta’ Settembru 2016.   

 

Ikkuntattjat minn www.mfa.com.mt, eżatt wara t-tlugħ tal-poloz, Jesmond Abela, it-Team Manager taż-żewġ timijiet nazzjonali ta’ Malta, qal li dawn iż-żewġ gruppi se jkunu fost l-ikbar sfida għall-plejers Maltin biex juru t-titjieb li għamlu f’dawn l-aħħar snin.

 

“Gruppi diffiċli ħafna. Għal Malta kull polza hi diffiċli. Iżda f’dawn il-jumejn innotajt li meta jitkellmu fuq it-timijiet nazzjonali Maltin, m’għadhiex bħalma kienet darba. Hawn ċertu rispett lejna. Il-pajjiżi Ewropej kollha jafu li għamilna avvanzi 'il quddiem, għalkemm għad jonqos ħafna aktar fuq xiex naħdmu. Dawn iż-żewġ gruppi se jkunu ta’ indikazzjoni biex naraw fejn ninsabu,” qal Abela.


Official Sponsors
Commercial Partners