Malta Football Association
NEWS:
It-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena rikonoxxut mill-KOM
Dec 9, 2015
Posted in:
General
Ritratt: Domenic Aquilina
Ritratt: Domenic Aquilina

 

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kien rikonoxxut b’unur tal-Kumitat Olimpiku Malti f’serata apposta li saret is-Sibt filgħaxija u li fiha ġew premjati dawk l-isportivi lokali kollha li kienu l-aqwa fl-2015.

 

It-tim nazzjonali Malti ingħata dan ir-rikonoxximent wara li fl-ewwel ħames partiti barra minn daru li lagħab fi Grupp 1 ta’ Kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej 2016, irnexxielhu jikseb total ta’ ħames punti, xi ħaġa rari ħafna biex tiġri fil-futbol Malti. Aktar minn hekk, it-tim nazzjonali jonqsu jilgħab ħames partiti oħra, kollha f’daru u għaldaqstant il-punti jistgħu saħansitra jkomplu jiżdiedu. Il-pajjiżi fl-istess Grupp ta’ Malta huma: ir-Repubblika Ċeka, il-Belġju, il-Moldova, il-Latvja u l-Montenegro.

 

Silvio Vella, il-kowċ nazzjonali u Ryan Camenzuli, il-captain tal-iskwadra, kienu preżenti għal din is-serata u rċivew dan l-unur mill-KOM.

 

Ikkuntattjat mis-sit www.mfa.com.mt, Silvio Vella qalilna:

 

“Kuntenti li ġejna nnominati. Unur speċjali u rikonoxximent għall-isforzi kollha li għamilna s’issa. Għandna ħames punti u ċans tajjeb li nżiedu magħhom fil-partiti li jmissna kollha f’Malta,” qal Vella.

 

Ryan Camenzuli, captain tat-tim nazzjonali Malti qalilna:

 

“Unur sabiħ ħafna għall-iskwadra sħiħa. Mhux xi ħaġa ta’ kuljum li jkollna ħames punti fi grupp aħseb u ara meta jonqos nilagħbu ħames partiti f’Malta. Nixtieq ngħid grazzi u prosit lil sħabi kollu fit-tim, lill-kowċis kollha u l-istaff tekniku kollu ta’ din l-iskwadra,” qal Camenzuli.


Official Sponsors
Commercial Partners