Malta Football Association
NEWS:
Kunsill MFA...it-Tlieta 15 ta' Diċembru 2015
Dec 15, 2015
Posted in:
General

 

Mark Attard, Media Officer

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, laqa' lil dawk kollha preżenti għall-aħħar laqgħa tal-Kunsill għas-sena 2015. Hu għadda l-kema lil Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali biex jiftaħ il-Laqgħa.


 

Vassallo feraħ u rringrazzja lill-impjegati tal-MFA tal-Open Day li kienet organizzata x-xahar li għadda fejn fiha kienu mistiedna l-amministraturi tal-klabbs il-ġodda. F'din l-Open Day, kien spjegat sew lill-klabbs kif taħdem l-MFA u l-operat tagħha u l-vantaġġi li għandhom il-klabbs kollha minn diversi dipartimenti tal-Assoċjazzjoni.

 

Immedjatament wara, Vassallo għadda l-kelma lil Adrian Casha, Kap tat-Taqsima Referees tal-MFA biex jispjega sew lill-klabbs kif jaħdem l-operat tar-referees f'pajjiżna. Casha, flimkien ma' Kevin Azzopardi, kienu mistiedna fil-Kunsill tal-MFA fuq talba ġenerali tal-klabbs, biex jispjegaw kif jaħdem is-settur tar-referees.

 

Darmanin Demajo irringrazzja lil Casha u lil Azzopardi għax-xogħol kbir li għamlu f'dawn l-aħħar snin filwaqt li wera fiduċja sħiħa fis-settur tar-referees kollu ta' pajjiżna.

 

Bjorn Vassallo għamel preżentazzjoni lill-kamra tax-xogħol li għaddej bħalissa fit-training grounds tal-MFA. Hu qal li bħalissa qed isir xogħol fuq il-floodlights u li 75% tax-xogħol hu lest. Vassallo żvela li bejn Jannar u Frar, f'Malta se jiġu 16-il tim professjonali għall-traning camps. Hu qal li l-MFA iffirmat kuntratt ma' kumpanija Awstrijaka li se tibda tattira dawn it-timijiet f'pajjiżna li jfissru wkoll kummerċ lejn Malta.

 

Bjorn Vassallo qara rapport li ntbagħt lilu mill-Prosekutur tal-MFA u dan wara li xi klabbs irrapurtaw il-fatt li diversi partiti tal-Youths u tad-Diviżjonijiet iż-żgħar qed ikunu għas-servizz tal-kumpaniji tal-betting.   Vassallo qal li ħadd ma jista' jżomm lill-ebda kumpanija liċenzjata li trid tagħti servizz ta' betting fuq il-futbol Malti iżda l-ebda 'live scout' ma jista' jidħol f'xi stadium fejn qed isir xi logħob tal-MFA u jagħti informazzjoni lill-kumpanija dwar 'live betting', jekk mhux awtorizzata mill-MFA.

 

Vassallo qal li l-UEFA kkonfermat lil Malta u tat permess lill-MFA biex jibda jsir il-UEFA Elite Youth Level A Diploma Coaching Course ukoll f'pajjiżna. Vassallo qal li dan hu ta' sodisfazzjon kbir għal kulħadd wara l-konferma wkoll li l-MFA ħadet l-aħbar li jista' wkoll jiġi organizzat il-UEFA PRO Course.

Official Sponsors
Commercial Partners