Malta Football Association
NEWS:
L-MFA b’għotja ta’ €12,000 lill-Istrina
Dec 19, 2015
Posted in:
General
Fanzone

 

Il-Malta Football Association tat donazzjoni ta’ €12,000 lill-Istrina, il-fond tal-Community Chest Fund, immexxi mill-President tar-Repubblika ta’ Malta. Il-flus ingħataw il-Ġimgħa filgħaxija minn Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, b’mod dirett lill-Eċċellenza Tagħha, Marie Louise Coleiro Preca, fil-festin annwali li torganizza l-Assoċjazzjoni fi żmien il-festi.


 

Coleiro Preca kienet preżenti għall-festin u sabet il-ħin biex tiltaqa’ ma’ ħafna persuni li jagħmlu parti mill-familja tal-futbol f’pajjiżna.

 

Darmanin Demajo, f’kelmtejn tal-okkażjoni, irringrazzja lill-Eċċellenza Tagħha talli onorat lill-MFA bil-preżenza tagħha u qal li hu dejjem ta’ unur li jaraha preżenti f’attivitajiet fejn jidħol il-futbol f’pajjiżna.

 

“Minn qalbi nixtieq nagħtik din l-għotja ta’ €12,000 li l-MFA ġabret permezz tal-fond li ħolqot bl-isem ta’ FSR (Football Social Responsability). Il-fondi ta’ dawn il-flus ġejjin fost oħrajn mit-tariffa ta’ €1 żejda li mill-istaġun li għadda qiegħdin niġbru mid-dħul fl-istadiums għall-partiti tal-BOV Premier League u minn 50% tal-multi li jħallsu l-klabbs lokali, fost l-oħrajn,” qal il-President tal-MFA.

 

Fost iċ-ċapċipa kbira fis-sala, segwa indirizz qasir ta’ Dr Coleiro Preca.

 

“Grazzi mill-qalb lil kulħadd. Grazzi talli lqagħjtuni fostkom. Hu dejjem ta’ unur għalija li niltaqa’ ma’ nies li huma fil-familja tal-futbol lokali. Donazzjonijiet bħal dawn jagħmluni kburija li jien Maltija u nħeġġiġkom biex tkomplu turu l-qalb u tgħinu dejjem lil min hu fil-bżonn. Jien kull fejn immur ngħid li Malta u l-poplu Malti huma uniċi u speċjali u m’hawn bħalhom imkien.”

 

Filwaqt li kemm Darmanin Demajo u Coleiro Preca rringrazzjaw lil kulħadd tal-preżenza tagħhom, huma waslu x-xewqat ta’ Milied ħieni u sena mimlija risq u barka.

 

L-Eċċellenza Tagħha temmet l-indirizz tagħha hekk:

 

“Jekk jogħġobkom, agħtu kas ħafna tat-tfal fin-nurseries tagħkom. Dawk huma l-aktar li għandhom bżonn attenzjoni u edukazzjoni. Huma s-soċjeta’ tal-futur. Huma l-persuni li ġejjin warajna biex imexxu pajjiżna. U għalhekk qed nitlobkom tagħtuhom attenzjoni speċjali,” temmet il-Presidenttar-Repubblika.

Official Sponsors
Commercial Partners