


Ilbieraħ filgħaxija ġew ippreżentati l-FIFA Badges għar-referees lokali għas-sena 2016. Għall-ewwel darba, Malta se jkollha 17-il referee u assistant referee fuq il-panel tal-FIFA, xi ħaġa ta' attrazzjoni u suċċess kbir fis-settur tar-referees f'pajjiżna.
Is-Sur Alex Manfre, Viċi President tal-MFA u Chairman tar-Referees Committe tal-MFA, f'kelmtejn tal-okkażżjoni, faħħar lir-referees lokali kollha u rringrazzjahom tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom lejn il-logħba tal-futbol.
"Grazzi lilkom kollha talli qegħdin tagħmlulna unur. Dawn is-suċċessi ma jiġux mix-xejn iżda biex taslu s'hawn nifhem li tridu dedikazzjoni u konċentrazzjoni kbira. L-appell tiegħi lejn dawk li għad iridu jaslu s'hawn hu biex qatt ma jaqtgħu qalbhom, mentri l-appell tiegħi lil dawk li waslu u se jiġu ppreżentati b'din il-Badge tal-FIFA hu li dejjem iżommu saqajhom mal-art," qal Manfre'.
Tkellem ukoll is-Sur Adrian Casha, Direttur tar-Referees fi ħdan l-MFA, fejn faħħar u semma' anki b'isimhom ir-referees li matul is-sena li għaddiet iddistingwew ruħhom f'xi ħaġa jew oħra.
"Ma nistax ma nfaħħarx u ma nħossnix kburi b'dak kollu li akkwistajna flimkien f'dawn l-aħħar snin. Intom kontu kollha parti minn dan is-suċċess. Din is-sena se tkun waħda impenjattiva ħafna għar-referees lokali Maltin iżda aktar minn ċert li bil-ħila tagħkom kollha se jerġa' jkollna sena mill-aqwa," qal Casha.
Intant, ir-referees lokali kollha li se jkunu fuq il-lista internazzjonali għal din is-sena huma dawn:
FIFA REFEREES - Trustin Farrugia Cann, Clayton Pisani, Alan Mario Sant, Fyodor Zammit
FIFA ASSISTANT REFEREES - Alan Camilleri, William Debattista, Luke Portelli, Mitchell Scerri, Jurgen Spiteri, Edward Spiteri, Duncan Sultana, Roberto Vella.
FIFA WOMEN REFREE - Esther Azzopardi
FIFA FUTSAL REFEREES - Franco Cachia, Clinton Mario Cassar
BEACH SOCCER REFEREES - Stefan Pace, Jude Amin Utulu
F'din is-serata, ġew onorati wkoll żewġ referees li wara karriera twila se jtemmu l-impenji tagħhom proprju f'dan l-istaġun. Dawn huma Marco Borg, li se jkun qiegħed jirreffja l-aħħar partita internazzjonali tiegħu llum bejn Hibernians FC u PSV Eindhoven FC u l-assistant referee, Ingmar Spiteri.
Is-serata għalqet b'bibita f'atmosfera familjari fl-istess lukanda fejn fiha sar dan l-avveniment.
