Malta Football Association
NEWS:
Gianni Infantino President tal-FIFA
Feb 26, 2016
Posted in:
General
Fanzone

 

Mark Attard, Media Officer, MFA

 

Gianni Infantino hu l-President il-ġdid tal-FIFA. Dan ir-riżultat kien ikkonfermat fit-tieni elezzjoni li saret illum fi Zurich, l-Isvizzera, meta ġab vot b’saħħtu u ċar mill-maġġoranza assoluta tal-assoċjazzjonijiet madwar id-dinja.

 

Infantino ġab 115-il vot, kontra it-88 ta’ Sheikh Salman bin Ebrahim al-Khalifau l-4 voti tal-Prinċep Ali Al Hussein. Jerome Champagne ma ġabx vot fit-tieni għadd tal-voti.


 

 

L-ewwel kelmtejn tiegħu bħala President tal-FIFA, Infantino qal li jrid li jibdel l-immaġini tal-FIFA għal waħda nadifa biex imbagħad id-dinja kollha jkollha biss kliem ta’ tifħir lejn il-futbol.

 

F’kommosjoni sħiħa fejn deher anki eċċitat, Infantino qal;

“Ma nafx kif se naqbad nirringrazzjakom kollha. Fdajtuni b’din ir-responsabbilta’ u nwegħidkom li se nroddilkom din il-fiduċja kollha li wrejtu fija. Se nkun il-President ta’ kollha kemm intom. Grazzi ħafna.”

 

Il-laqgħa fi Zurich bdiet għal ħabta tal-10.00am ta’ filgħodu iżda l-ewwel għadd tal-voti ma kienx biżżejjed biex jitħabbar President ġdid. Skont l-Istatut tal-FIFA, biex xi ħadd jinħatar President irid iġib iż-żewġ terzi tal-voti tal-Kamra.

 

Fl-ewwel għadd, Infantino ġab 88 vot u Sheikh Salman Al Khalifa ġab tlieta inqas. Prinċep Ali Bin Hussein ġab 27 vot u Jerome Champagne ġab 7 voti.

 

Għalhekk, skont l-Istatut tal-FIFA, il-Kamra kellha tmur għat-tieni votazzjoni u hawnhekk Infantino ġab 115-il vot u Sheikh Salman Al Khalifa ġab 88 vot. Il-Prinċep Ali ġab erba’ voti u Jerome Champagne ma ġab l-ebda vot.

 

115-il vot kienu biżżejjed biex jikkonfermaw President. Hekk kif tħabbar ir-riżultat, is-sala nfexxet f’ċapċip kbir u kulħadd deher idur u jgħannaq lill-President il-ġdid.

 

Sa qabel din il-votazzjoni, Infantino kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-UEFA, kariga li issa se jkollu jirriżenja minnha u tkun trid timtela’ minn ħaddieħor. Infantino twieled l-Isvizzera iżda hu ta’ oriġini Taljana. Hu għandu 45 sena.

 

Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, li min-naħa tiegħu laqgħa dan ir-riżultat b’sodisfazzjon kbir.

 

“Hi rebħa kbira għal Gianni. Il-passat nadif u l-esperjenza tiegħu se jgħinuh ħafna fl-isfidi kbar li għandha quddiemha l-FIFA. Infantino persuna ta’ integrita’ kbira u l-ġurnata tal-lum tibqa’ titqies bħala waħda sabiħa ħafna għall-futbol mondjali u għall-FIFA,” qal Darmanin Demajo.

 

Intant, id-delegazzjoni Maltija komposta mill-President innifsu u minn Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali u Ivan Mizzi, Teżorier, jaslu lura f’Malta għada s-Sibt.

 

L-MFA tawgura lil Gianni Infantino ħidma mill-aqwa, issa li r-responsabbilta’ tal-futbol dinjija taqa’ taħt it-tmexxija tiegħu.

Official Sponsors
Commercial Partners