Malta Football Association
NEWS:
Kunsill MFA għal Marzu 2016
Mar 8, 2016
Posted in:
General
Fanzone

Mark Attard, Media Officer

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, fetaħ il-Laqgħa tal-Kunsill billi sejjaħ lil Carmel Baldacchino, l-awtur tal-inċiklopedija fuq il-futbol 'GOWL', biex jippreżenta l-ħames edizzjoni lill-Kamra tal-Kunsill.

"Irrid nirringrazzja lil Carmel tax-xogħol tiegħu. Grazzi għad-dedikazzjoni u l-paċenzja tiegħek. Irid ikun xi ħadd bħalek biex jikteb dawn il-volumi ta' kotba. Jien kburi bik u ninsab ċert li kulħadd f'din il-Kamra jaħsiba bħali. Nappella lil kull min hu dilettant tal-futbol biex ikollu kopja ta' din l-inċiklopedija," qal il-President tal-MFA. 


 

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, sellem lil Jesmond Aquilina, President u Membru tal-Kunsill ġdid ta' Qormi FC li kien qiegħed jattendi għall-ewwel Laqgħa tiegħu.

Vassallo fakkar u ġibed l-attenzjoni tal-Kamra li Clayton Pisani, rebaħ l-unur tal-Uffiċjal tas-Sena fis-serata tal-Isportivi tas-Sena.

Vassallo qal li d-data tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA li jmiss u li fiha jridu jsiru l-elezzjonijiet għall-membri tal-amministrazzjoni se ssir is-Sibt 30 ta' Lulju 2016.

Vassallo qal li l-MFA Awards 2016 se jsiru fl-20 ta' Mejju li ġej. Hawnhekk tkellem Dr Chris Bonett li qal li din is-sena se jingħataw 20 Award u għal din is-sena għall-ewwel darba se jingħata l-Best Player tal-Futsal Malta Association. Bonett qal li minn din is-sena, għall-Football Of the Year se jivvutaw ukoll Uffiċjal wieħed minn kull klabb lokali. 

 

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, qal li kien irċieva n-nominazzjonijiet għall-post vaganzi fl-Eżekuttiv ta' Paul Falzon, f'isem St. Andrew's FC u Dr Adrian Delia, f'isem Birkirkara FC. Iżda ftit ħin qabel ma kellha ssir elezzjoni, Vassallo irċieva email mingħand Delia fejn fiha qallu li kien qiegħed jirtira n-nomina tiegħu u għalhekk Falzon tħalla waħdu jikkontesta għal din il-kariga. Vassallo talab vot ta' approvazzjoni mill-Kamra favur Falzon u l-Kamra kollha vvutat favur li Falzon jieħu s-siġġu vakant madwar il-mejda tal-Eżekuttiv.

Official Sponsors
Commercial Partners