Malta Football Association
NEWS:
Ikun żball kbir jekk naħsbu li l-punti se jiġu faċilment - Silvio Vella
Mar 22, 2016
Posted in:
General
National Team
U/21 Qualifiers
Ritratti: Domenic Aquilina
Ritratti: Domenic Aquilina

  • Ritratti: Domenic Aquilina
  • Ritratti: Domenic Aquilina

 

"Ikun żball jekk naħsbu li l-punti se jiġu b'mod faċli. Anzi żball kbir. Ma jfissirx li għax akkwistajna ħames punti fil-partiti barra minn darna se nerġgħu nġibuhom jew se nġibu aktar. Iżda nemmen bi sħiħ f'dan il-grupp ta' plejers. Nistgħu nkomplu nżidu mal-punti li diġa' għandna iżda biex iseħħ dan teħtieġ dixxipplina u konċentrazzjoni tul id-90 minuta."

 

Hekk beda l-konferenza stampa Silvio Vella, il-kowċ nazzjonali Malti tat-tim ta' taħt il-21 sena, ġurnata qabel il-partita tant mistennija kontra l-Montenegro li se tintlagħab għada fis-6.00pm, fil-Hibernians Stadium, f'Kordin.

 

Malta għandha ħames punti fi Grupp 1 u qiegħda f'pożizzjoni tajjeb li tkompli tavvanza ma' ta' fuq. Iżda punt ieħor għal Vella jkun ifisser li jidħol fl-Istorja tal-futbol Malti għall-aktar kowċ li qatt ġab punti f'din il-kompetizzjoni. Meta mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti dwar dan, Vella irrisponda:

"Din mhux l-iktar ħaġa importanti. Bħalissa qed naħseb biss biex intejjeb il-livell tal-plejers tiegħi u jkun ta' sodisfazzjon kbir jekk Pietro Ghedin jgħidli li se jkollu jutilizza xi plejer minnhom għall-partiti li għandu. Ir-rekord tal-ħames punti ħsibt xi ftit fuqu wkoll iżda mhux xi priorita' għalija. Nispera li jasal għax ikun ifisser iktar punti f'dan il-Grupp," qal Vella

 

Vella tkellem ukoll dwar il-preparazzjoni tat-tim u kellu kliem ta' tifħir għall-plejers kollha.

"Ma nistax ma nirringrazzjax lil kull plejer u lil kull persuna li tagħmel parti minn dan il-Grupp. Hawn għaqda sħiħa bejnietna u kulħadd qed jiġbed ħabel wieħed. Kuntent ħafna bil-prestazzjonijiet tagħhom u ma nistax nitlob aktar. L-importanti għalija hu li dejjem jagħtu il-mija fil-mija tagħhom. Aktar minn hekk ħadd ma jista' jagħmel."

 

Mistoqsi fuq il-Montenegro, l-avversarji ta' għada, Vella irrisponda:

"Plejers ta' stoffa kbira. Jilagħbu l-logħba tal-pussess tal-ballun u għandhom esperjenza enormi bi tmien plejers fit-tim li jilagħbu f'kampjonati differenti madwar l-Ewropa. Irridu nerġgħu nkunu fl-aqwa tagħna biex nerġgħu nirbħu l-punti," qal il-kowċ nazzjonali Malti.

 

Tkellem ukoll Ryan Camenzuli, il-captain tat-tim Malti, li fisser din il-partita bħala waħda mill-iktar importanti tal-karriera tiegħu s'issa.

"Partita li tfisser ħafna għalija u għal kumplament ta' sħabi. S'issa sejrin tajjeb u forsi ħadd ma basar mal-ewwel ħames partiti 'away' se jkollna ħames punti. Dejjem konna dixxipplinati u obdejna kull ma qalilna l-kowċ. Mhux se naraw kbir. Saqajna mal-art. Kollox għad jista' jiġri," qal Camenzuli. 


Official Sponsors
Commercial Partners