Malta Football Association
NEWS:
“Ghedin? L-aħjar għażla li setgħet tagħmel l-MFA” – Rowen Muscat
Mar 23, 2016
Posted in:
General

 

Minn Mark Attard, Media Officer

 

Bħalissa forsi hu l-aktar plejer importanti tal-futbol f’Malta. Forsi l-aktar tekniku u forsi l-aktar popolari wkoll. Rowen Muscat ma spiċċax jilgħab fl-Italja b’kumbinazzjoni. Dan it-transfer wasal wara snin ta’ futbol fil-Kampjonat BOV Premier bil-flokk ta’ Birkirkara FC u magħhom wieħed ma jistax jinsa l-partiti li lagħab fit-tim nazzjonali Malti.

 

L-aktar waħda li għenitu biex wasal sa fejn wasal illum kienet proprju l-partita ta’ Firenze bejn l-Italja u Malta. Telfa ta’ 1-0 li waslet minn gowl kontroversjali ħafna u li fl-istess azzjoni l-logħob kellu jitwaqqaf darbtejn għall-freekick favur Malta. Is-solitu storja ta’ dejjem kontra t-timijiet iż-żgħar...


 

Muscat kien protaginist f’dik il-partita. Lagħab il-partita ta’ ħajtu u kien ivvutat l-aqwa plejer ta’ Malta mill-gazzetti Taljani tal-għada, u wieħed mill-aqwa plejers tal-partita. Il-partiti internazzjonali ta’ Malta komplew dejjem jgħinuh u jkabbruh.

 

“Għal kull plejer, it-tim nazzjonali hu importanti ħafna u dan għal żewġ fatturi. L-ewwel minħabba l-fatt li qed tirrapreżenta u tagħmel reklam kbir lil pajjiżek u dak għalija personali hu ta’ unur kbir. It-tieni ħaġa hi li tkun qed tilgħab il-logħba tal-futbol fl-ogħla livell li jista’ jeżisti.

“Għal kull plejer, dan hu ċ-ċans li juri it-talenti tiegħu madwar id-dinja u jiftaħlek il-bibien li tilgħab barra pajjiżek bħal ma ġara lili personali li wara l-logħba kontra l-Italja ġejt nilgħab hawn stess,” jgħid Muscat fl-ewwel mistoqsija.

 

Imbagħad ikompli jitkellem fuq Pavia FC u l-livell ta’ Kampjonat li qiegħed jilgħab fih.

“Pavia huma finanzjarjament ħafna aktar b’saħħithom mill-klabbs Maltin u b’hekk ikunu jistgħu jiffunzjonaw ħafna aħjar. L-Istadium tagħna jesa’ aktar minn 7,000spettatur u għandna wkoll tliet training grounds li tnejn minnhom huma ħaxix naturali u l-ieħor ħaxix artifiċċjali u nitħarrġu fuqu filgħodu meta tkun il-kesħa jew meta tagħmel ħafna xita. 

 

“Ma’ klabbs bħal Pavia jiġu plejers li jkunu diġa’ lagħbu fis-Seria A jew fis-Serie B u jinzlu fis-Serie C għax ikunu kibru u ma jerġax jiġi klabb għalihom jew ikunu weġgħu u ma jirkuprawx kif kienu qabel. Ukoll ikun hawn ħafna plejersżgħar minn klabbs tas-Serie A jew is-Serie B li jkunu mislufin biex jgħollu l-esperjenza tagħhom. B’hekk il-livell tal-futbol jogħlaawtomatikament,” jgħid Muscat.

 

L-eks-plejer ta’ Birkirkara FC wasal f’pajjiżna t-Tnejn li għadda u ngħaqad fl-iskwadra nazzjonali għall-partita ta’ għada l-Ħamis kontra l-Moldova. Se tkun partita ta’ ħbiberija li fl-opinjoni ta’ Muscat se sservi ta’ ġid kbir għal dan il-grupp.

“Partiti ta’ħbiberija bħal dawn dejjem jagħmlu ġid lit-tim nazzjonali. Ħafna mill-plejers ma jkunux jilagħbu fl-istess klabbsuallura jkunu jistgħu jingħaqdu fi skwarda waħda u jitħarrġu fl-istess tim għal ftit jiem.

“Fl-istess żmien, il-kowċ nazzjonali jkun jista’ jiprova ċerti plejers ġodda kif ukollċertu plejers f’xi rwoli differenti li l-kowċ jaħseb li jkunu utli għat-tim. Il-livelli tal-partiti internazzjonali hu kompletament differenti minn dak tal-kampjonat Malti.”

 

Inkellmu fuq Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali li ffirma kuntratt ġdid mal-MFA sal-aħħar tal-partiti tal-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2018.

“Bħala plejer ħdimt ma’ħafna kowċis differenti u ma’ kull kowċtajt dak kollu li naf. Pietro Ghedin wera fiduċja fija mal-ewwel u naħseb li mal-ewwel logħba urejtu li kapaċi nkun ta’ servizzgħat-tim nazzjonali, tant li bqajt inżomm posti regolarment.

“Ħadt pjaċir bl-aħbar li ġedded il-kuntratt.Kont kuntent l-aktar għax naf eżatt x’irid minnhi personali u naf li fl-aħħar partiti kellna riżultati tajbin ukoll. Naħseb li kienet l-aħjar għażla li setgħet tagħmel l-MFA,” qal Muscat.

 

L-iebes għat-tim nazzjonali għadu ġej. Minn Settembru jibdew il-partiti validi mill-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni u fl-istess grupp magħna hemm l-Iskozja, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Litwanja u l-Ingilterra. L-ikbar attrazzjoni għal kulħadd tkun il-partita f’Wembley.

“Din se tkun il-partita tas-sena. Kemm għas-sapport Malti u anki għall-plejers Maltin. Esperjenza sabiħa u mistennija ħafna. Għalija se tkun esperjeza oħra fil-karriera qasira ta’ plejer u fil-futur partita hekk tibqa’ mfakkra bħal dik kontra l-Italja.

“Bħal dejjem dan hu grupp iebes iżda kif rajna fil-logħbiet li għaddew bħal kontra l-italja,il-Bulgarijau l-Kroazja, jekk it-tim nazzjonali Malti jiffunzjona sew nistgħu nilagħbu ma’ kulħadd u apparti li nagħtu prestazzjonijiet tajbin, nistgħu nġibu riżultati tajbin ukoll ma’ timijiet li huma aktar ikkwotati minnha.Irridu nippreparaw b’mod tajjeb għaliha,” qal Muscat.

 

Il-ħolma ta’ kull plejer Malti li jħobb verament il-futbol professjonali hi dik li jilgħab barra minn Malta. Rowen irnexxielu. Iżda għalfejn plejer Malti jieħu deċiżjoni bħal din?

Rowen Muscat jgħid li għalih personali “kienet aħbar kbira fejn wara tantżmien naħdem u nistinka biex nasal sa dan il-punt, fl-aħħar irnexxielhi.Ħadt din it-triq biex intejjeb aktar il-livell personali tiegħi u nkun nista’ nagħti kontribut aħjar lit-tim nazzjonali. Meta tilgħab barra minn Malta tkun qisek qed isservi ta’ Ambaxxatur lejn pajjiżek. Il-ħajja ta’ futboler qasira wisq u f’dan iż-żmien trid tistinka biex tilħaq l-ogħla livell possibbli u tkun tista’ tesperjenza ħajja bħal kull plejer professjonali kbir.”

 

Iżda tiġini kurżita’ u nistaqsih fuq l-Ascoli FC, li kellu jkun l-ewwel tim tiegħu fl-Italja, iżda wara ftit jiem ma baqax magħhom u spiċċa ma’ Pavia FC.

“Jien tlajt ma’ AscoliFC biex niffirma mingħajr prova u kelli l-karti kollha lesti. Meta tlajt kont diġa’ ma niflaħx bid-deni u wara jumejn li tlajt ħariġli “bronchitis” qawwi fil-pulmun peress li l-klima tal-Italja kienet ferm iktar kiesħa minn ta’Malta.

“Għamilt it-testijiet f’Ruma u għaddejt minn kollox iżda t-tabib qalli li xorta għandi bżonn nagħmel tmien t’ijiem wieqaf biex nirkupra għax inkella stajt nispiċċa agħar. Kelli nagħmel tmien t’ijiem wieqaf minn kull attivita’ kif ukollġimgħatejn oħra nitħarreġ iebes biex nerġa’ niġi fiżikament b’saħħtikif kont qabel.

“AscoliFC riedu plejer li kien lest għal-logħob dik il-ġimgħa stess u peress li l-proċess tiegħi kien se jdum bejn tlieta u erba’ ġimgħat, AscoliFCtawlu l-proċess tal-iffirmar u b’hekk l-aġent tiegħi dahar fuq klabbs oħra li ukoll kienu lesti jiffirmawni. 

“Wara dan kollu nagħaqadt ma’ PaviaFC fejn malli wasalt iffirmajt mal-ewwel għax beżgħu li AscoliFC jerġgħu jitfgħu offerta akbar jew li jien nerġa’ nirritorna ma’ AscoliFC. Ninsab kuntent ma’ klabb bi prospetti kbar bħal Pavia FC,” jgħid il-plejer internazzjonali Malti.

 

Il-ħajja ta’ Rowen Muscat inbiddlet ferm. M’hemmx iktar lok għal ħajja rilassanti kif kellu f’Malta. Ma’ Pavia FC il-futbol hu wieħed professjonali bħal kull klabb fl-Italja. Il-ħajja personali barra mil-logħba tal-futbol inbiddlet ukoll.     

“Hawnhekk ħlief fuq futbol minix naħseb. Matul il-ġimgħa nibdew it-taħriġ fil-11.00am imbagħad wara li nieklu mmur ma’ sħabi saċ-ċentru jew sa Milan li hu 20 minuta biss ’il bogħod minn fejn noqgħod. Wara s-6.00pm immur sal-gym u wara jew noqgħod nara film jew naqra l-bibbja. Fil-verita’ qed ikolli aktar ħin għalija personali kemm ilhi hawn.

“Fil-weekend meta jkolli l-logħob is-Sibt filgħaxija nintefa’għand sħabi u wara nistrieħgħaxnormalment l-għada tkun il-ġurnata ‘off’ u din nużahabiex naqbad il-karozza u ndur postijiet differenti ma’ ħabib tiegħi bħal Lugano, Lago di Como, Genova, Veneziau Milan,” itemm Muscat.

 

Qabel ma ntemmu l-intervista, Rowen Muscat jappella lill-partitarji Maltin biex jiġu jagħtu l-appoġġ lit-tim nazzjonali għall-partita kontra l-Moldova.

“Inħeġġeġ lill-poplu Malti biex jagħti l-appoġġ lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu. Jien personali l-appoġġ jagħmilli differenza. Il-poplu Malti jkunqed jgħin ħafna lill-plejers Maltin billi jagħtihom dik il-ħeġġażejda f’ħinijiet ħżiena kif ukoll f’ħinijiet tajbin. 

“Fl-aħħar nixtieq ngħid grazzi mill-qalb lill-familja tiegħi,lill-ġenituri u lill-oħti li tant issapportjawni tul dawn is-snin kollha biex wasalt fejn wasalt. Grazzi wkoll lill-partitarji personali li għandi li baqgħu jsegwuni wkoll fl-Italja.”  

Official Sponsors
Commercial Partners