Malta Football Association
NEWS:
"Inkun kuntent b'rebħa biss" - Ghedin
Mar 23, 2016
Posted in:
General
Ritratti: Joe Borg
Ritratti: Joe Borg

  • Ritratti: Joe Borg

 

Mark Attard, Media Officer

 

Pietro Ghedin, kowċ tat-tim nazzjonali Malti, qal li għall-partita ta' għada kontra l-Moldova ikun kuntent biss b'rebħa. Hu qal li t-tim Malti għolla ħafna l-livell tiegħu minn erba' snin ilu u dan grazzi għax-xogħol u d-dixxipplina kbira li urew il-plejers li wħud minnhom spiċċaw jilagħbu anki f'kampjonati barra minn Malta.

 


 

Dan kollu ntqal mill-kowċ Taljan f'konferenza stampa li saret illum fit-3.00pm fejn fiha, minbarra Ghedin, tkellem ukoll mal-media Zach Muscat, id-difensur internazzjonali Malti.

"Malta qed tingħata attenzjoni kbira mit-timijiet barranin. L-aħħar żewġ gruppi għenuna nikbru fl-attrazzjoni tagħna u fil-livell. Irridu nkomplu nitjiebu u nistgħu nagħmlu dan jekk inżommu l-konċentrazzjoni f'kull dipartiment. Din il-partita se sservina għal tħejjija tajba għal Malta nilagħbu l-ewwel partita ta' kwalifikazzjoni. Wara din tal-lum għandna tliet partiti oħra ta' ħbiberija," qal Ghedin.

 

Mistoqsi fuq l-avversarji tagħna, il-Moldova, u l-fatt li dawn ilhom ma jirbħu partita internazzjonali sentejn, Ghedin qal li dan ma jfisser xejn, għax it-tim tal-Moldova bidel 14-il plejer mill-aħħar partita li kellhom u li fiha tilfu 2-1 kontra l-Azerbaijan.

"Dan hu tim kompletament differenti minn dak li kellhom ftit taż-żmien ilu. Għandhom xi seba' plejers jilagħbu f'kampjonati kbar madwar l-Ewropa u l-plejers tagħhom huma kollha professjonali. Nistenna li se tkun partita diffiċli iżda konvint li jekk nagħtu l-mija fil-mija tagħna nistgħu nirbħu," qal Ghedin.

 

Fl-istess konferenza tkellem ukoll Zach Muscat.

"Qegħdin grupp ta' plejers tajbin ħafna. Forsi minn issa 'l quddiem se jkun il-mument fejn nibdew inġibu aktar riżultati pożittivi. Għada se tkun partita diffiċli ħafna iżda naqbel mal-kowċ li jekk inkunu tajjeb nistgħu nġibu riżultat pożittiv," qal Muscat.

 

Mistoqsi fuq l-esperjenza tiegħu barra minn Malta, Muscat qal li għalih "esperjenza mill-isbaħ li spiċċa jaħseb, jgħix u jaħdem fil-futbol bħala plejer professjonali. Niftakarni bdejt ta' tifel żgħir nilgħab bil-ballun fil-ġnien. Illum nista' ngħid li dak li qiegħed nitgħallem jien fil-futbol nista' bih ngħin lil kumplament ta' sħabi fl-iskwadra nazzjonali," temm Muscat.

Official Sponsors
Commercial Partners