


Mark Attard, Media Officer
Illum fit-3.00pm, eżatt wara l-konferenza stampa ta' Pietro Ghedin u Zach Muscat, saret l-aħħar sessjoni ta' taħriġ għat-tim nazzjonali Malti qabel il-partita ta' għada kontra l-Moldova li se tintlagħab fit-3.00pm, fl-Istadium Nazzjonali, f'Ta' Qali.
Pietro Ghedin mexxa sessjoni li fiha ġiet esperimentata b'aktar profondita' t-tattika li beħsiebu juża għada għal din il-partita ta' ħbiberija.
It-tim nazzjonali Malti ħadem l-aktar fuq set-pieces u fuq id-dipartiment offensiv biex għada nippruvaw niskurjaw u nirbħu l-partita.
Ghedin kien megħjun mill-assistent Ray Farrugia mentri Luca Pagani mexxa sessjoni fiżika tal-bidu u Charles Sciberras ħadem fuq il-gowlkipers.
Ghedin ma żvela xejn mill-formazzjoni li beħsiebu jibda biha għada.
Immedjatament kif spiċċat is-sessjoni, il-kontinġent reġa' lura lejn il-lukanda fejn jinsab alloġġjat. It-tim Malti jkollu l-aħħar laqgħa dwar il-partita mal-kowċ nazzjonali għada filgħodu u għal ħabta tas-1.00pm jħalli l-lukanda lejn l-Istadium Nazzjonali.
