


It-tim nazzjonali Malti ta' taħt il-21 sena, sofra telfa minima ta' 1-0, fl-ewwel partita li ntlagħbet f'dahrna minn Grupp 1 ta' Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej li se jsiru fil-Polonja.
It-tim immexxi minn Silvio Vella ma bediex il-partita kif konna mdorrijin dan l-aħħar bih, li jantiċipa tajjeb lill-avversarji, jaħrab bil-kontrattakk u jkun perikoluż lejn il-lasti avversarji. Fl-ewwel nofs siegħa tal-konfront soffrejna wisq il-pressjoni tal-avversarji, forsi għax maħkumin minn pressjoni li qatt qabel ma sibna ruħna fiha, ħames punti mill-ewwel ħames partiti milgħuba kollha 'away'.
Iżda lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima u tul it-tieni taqsima, it-tim bħal donnu qam fuq tiegħu u beda jattakka daqs kemm jaqla'...anzi aktar jattakka. Mas-suffara finali, wieħed seta' jgħid b'modesta' li kieku l-partita spiċċat fi draw, ma konna nisirqu xejn.
L-uniku gowl tal-partita wasal fit-18-il minuta logħob meta corner tal-Montenegro spiċċa maqlugħ il-barra mid-difiża Maltija u reġa' kien hemm cross mill-istess anglu li għalih ogħla fuq kulħadd il-midfielder Kartal u b'daqqa ta' ras perfetta, tefa' fix-xibka.
L-aktar ħaġa importanti għal dawn iż-żgħażagħ għandha tkun li jħallu din il-partita warajhom u jikkonċentraw fuq dik kontra r-Repubblika Ċeka tal-ġimgħa d-dieħla.
Il-formazzjoni ta' Malta kienet din:
Calleja Cremona, Attard, Arab S. (Cesare 72), Magri, Briffa, Cremona, Guillaimier (Bezzina 69), Cesare, Mbong (Brincat 82), Camenzuli, Montebello
