Malta Football Association
NEWS:
Kunsill tal-MFA...April 2016
Apr 12, 2016
Posted in:
General
Fanzone

Mark Attard, Media Officer

 

Il-Kunsill fetaħ billi ngħatat merħba lil Paul Zammit, Kunsillier ta' Melita FC, li proprju llum għalaq sninu. Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA bagħat ukoll l-awguri lil George Borg, eks-President ta' Balzan FC, li llum għalaq sninu wkoll. Magħhom jingħaqad ukoll Peter Cipriott, Membru tal-Kunsill f'isem Balzan FC.

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA feraħ lill-klabbs li s'issa ġew promossi minn klassifika għal oħra. Dawn huma Marsaxlokk FC mit-Tielet Diviżjoni għat-Tieni Diviżjoni; lil Għargħur FC li ġew promossi mit-Tieni għall-Ewwel Diviżjoni; u Gzira Utd u Hamrun Spartans FC li mill-Ewwel Divżjoni ġew promossi għall-Premier Division.


 

Vassallo qal li għada l-Erbgħa 13 ta' April se ssir laqgħa dwar il-White Paper tal-Kummerċjalizazzjoni tal-Art għall-klabbs tal-futbol. Vassallo qal li l-laqgħa tibda fis-6.00pm u l-klabbs kollha huma mistiedna. Darmanin Demajo ħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi għal din il-laqgħa peress li din hi opportunita' li l-Gvern taha lill-klabbs lokali biex jirranġaw liġijiet dwar l-art kif jixtiequ huma.

 

Vassallo qal li bejn Jannar u Marzu 2016, l-MFA u Malta kellha 16-il training camp. Disa' partiti minn 16 kienu mxandra b'mod dirett permezz tal-live streaming. Dawn ix-xandiriet lahqu mal-230,000 telespettatur. Dan kollu ġġenera turnover ta' aktar minn miljun ewro fil-kaxxi ta' pajjiżna.

 

Vassallo qal li l-MFRA irtirat id-direttiva li l-ebda uffiċjali tagħha ma jista' jirreffja lil Valletta Futsal Club. Dan sar wara laqgħat bejn il-persuni konċernati.

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, tkellem fuq il-kumment li kiteb fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook fejn fih iddefenda lir-referee dwar l-inċident fil-partita bejn Floriana FC u Hibernians FC li l-pawlisti rebħu 3-1. Il-President tal-MFA qal li għamel dak li għamel għax hu fid-dmir tiegħu jiddefendi lil kulħadd li jagħmel parti mill-familja tal-futbol, l-aktar meta l-kritika tkun qabżet kull limitu. Darmanin Demajo qal li ra kummenti kontra r-referee tal-partita li kienu xokkanti u diżgustanti u ma setax ma jiddefendix lir-referee tal-partita. Darmanin Demajo qal li lest jagħmel dan u jibqa' jiddefendi lil kulħadd.

 

Vassallo qal li l-MFA irċiviet ittra mingħand Federbet fejn fiha kien hemm miktub li l-partita kontra l-Montenegro kienet suspettuża. Vassallo informa lill-Kunsill li kien kiteb lill-Federbet u infurmahom li l-każ qiegħed f'idejn il-Pulizija ta' Malta.

 

Bjorn Vassallo qal kif kienu marru l-affarijiet fil-każ tat-tim nazzjonali Malti ta' taħt il-21 sena u l-allegat każ ta' korruzzjoni relatat mal-ewwel partita. Vassallo qal li:

 

23 ta' Marzu - Intlagħbet il-partita bejn Malta u l-Montenegro

24 ta' Marzu - Bdew ħerġien l-ewwel diċeriji li l-partita setgħet kienet irranġata għal skopijiet ta' mħatri

26 ta' Marzu - L-Integrity Officer tal-MFA iressq il-każ lill-Pulizija ta' Malta

27 ta' Marzu - Pulizija ta' Malta kellmet għall-ewwel darba xi plejers nazzjonali u saru l-ewwel arresti ta' individwi

28 ta' Marzu - L-MFA infurmat lill-UEFA u lill-FIFA bil-każ u toħroġ l-ewwel dikjarazzjoni

29 ta' Marzu - Tintlagħab il-partita Malta vs Repubblika Ċeka u l-Ulizija ta' Malta terġa titkellem ma' xi plejers nazzjonali

30 ta' Marzu - Jitressaq il-Qorti tal-Maġistrati s-Sur Seybel Zammit

1 ta' April - L-MFA toħroġ it-tieni dikjarazzjoni fuq il-każ.

6 ta' April - Is-Segretarju Ġenerali jinfurma b'ittra lis-Sur Zammit li jinsab sospiż temporanjament. Infurmati wkoll Valletta FC li magħhom is-Sur Zammit hu plejer reġistrat.

8 ta' April - Tingħata s-sentenza mill-Qorti ta' Malta u l-MFA toħroġ it-tielet dikjarazzjoni tagħha.

 

Vassallo qal li ħarġu d-deċiżjonijiet tal-appell ta' Roderick Fenech u Massimo Grima, eks-plejers ta' Hamrun Spartans FC li kienu nstabu ħatja tal-ewwel, it-tieni u t-tielet akkużi u tal-ewwel u t-tieni akkużi, rispettivament. Din id-deċiżjoni ta' għomor sospensjoni mill-futbol kienet ittieħdet mill-Bord ta' Kontra l-Bord u t-Tixħim fil-futbol tal-MFA fl-4 ta' Diċembru 2014. Il-Bord tal-Appell reġa' konferma li ż-żewġ persuni għandhom jibqgħu sospiżi għal għomorhom minn kull attivita' fil-futbol.

 

Norman Darmanin Demajo tkellem fuq l-FA Trophy ta' Malta. Hu qal li d-diskors biex tinbidel din it-trophy beda bejnu u bejn il-President tal-FA Ingliża waqt it-TEP li sar f'Malta s-sena l-oħra. Darmanin Demajo qal li kien tkellem miegħu qallu u qallu li kien wasal iż-żmien li tinbidel il-Trophy ta' Malta li iżda ma riedx li joqtol l-Istorja sabiħa li għandha t-Trophy ta' pajjiżna. Il-President tal-FA Ingliża kien mar lura pajjiżu u informa b'email lil Darmanin Demajo li l-FA Ingliża kienet lesta terġa' tiffinanzja parti sew mit-Trophy ta' pajjiżna u d-disinn ġdid tagħha. Darmanin Demajo qal li dan kollu kien tkellmu mal-Eżekuttiv tal-MFA u kien hemm kważi qbil unanimu li t-Trophy kien wasal iż-żmien li tinbidel. Darmanin Demajo qal li l-FA Trophy l-ġdida se tiġi tiswa mal-25,000 sterlina iżda se tibda ssir replika tal-istess Trophy. Dan biex dik l-oriġinali tingħata lill-klabb jirbaħa dakinhar tal-finali iżda l-klabb jibqa' jżomm għal dejjem għandu Trophy oħra replika preċiża ta' dik oriġinali. L-idea tal-preżentazzjoni uffiċjali se ssir f'Wembley f'Ottubru li ġej qabel il-partita bejn l-Ingilterra u Malta.

Dr Chris Bonett, Viċi President tal-MFA, qal li l-kumpanija li se taħdem fuq l-FA Trophy ta' pajjiżna hi Thomas Lyte, l-istess kumpanija li ħolqot l-FA Cup tal-Ingilterra, it-Trophy tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby u t-Tazza tas-6 nations tar-Rugby, fost oħrajn. Bonett qal li l-ewwel disinn tat-Trophy se jintwera lill-klabbs u lill-familja tal-futbol Maltija fi-serata tal-MFA Awards fl-20 ta' Mejju li ġej.

 

Norman Darmanin Demajo qal li l-MFA kienet irċiviet ittra mill-Istanding Committee tal-Premier Division li fejn fiha saru allegazzjonijiet serji fil-konfront tal-amministrazzjoni tal-MFA rigward xogħlijiet li kienu saru f'diversi stadiums madwar Malta u kif ingħataw ċerti kuntratti u ħafna affarijiet oħra. Darmanin Demajo qal li wara li qara din l-ittra fil-Kumitat Eżekuttiv, ilbieraħ avża lill-Bureau tal-MFA li kien kiteb lill-Bord tal-Awdituri Interni tal-MFA biex jinvesta l-allegazzjonijiet kollha li nkitbu f'din l-ittra mill-Istanding Committee tal-Premier Division.

Official Sponsors
Commercial Partners