Malta Football Association
NEWS:
Kummerċjalizazzjoni tal-faċilitajiet sportivi
Apr 14, 2016
Posted in:
General
Fanzone
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar
  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

 

Ilbieraħ filgħaxija, saret l-aħħar laqgħa min-naħa tal-MFA relatata mal-White Paper maħruġa mill-Gvern dwar il-faċilitajiet sportivi tal-għaqdiet sportivi. F’din il-laqgħa, attendew il-maġġoranza l-kbira tal-klabbs membri.  Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll it-Teżorier tal-MFA, Ivan Mizzi u l-Viċi President Anzjan, il-Perit Ludovico Micallef u kif ukoll Deputati Segretarji u impjegati oħra tal-MFA. 


 

Il-laqgħa kienet l-aħħar waħda bejn l-MFA u l-klabbs, fejn matulha kienu diskussi l-proposti magħmula mill-istess klabbs waqt laqgħat oħra ta’ konsultazzjoni mal-Assoċjazzjoni u kif ukoll il-pożizzjoni tal-MFA fuq il-prinċipji li ħarġu mid-dokument tal-White Paper. Fi ftit ġimgħat oħra, din il-White Paper se tkun iffinalizzata u l-kontenut se jitressaq għall-vot ta’ approvazzjoni fil-Parlament.

 

L-Aġenda tal-laqgħa kienet tinkludi  id-diskors tal-bidu bħala ntroduzzjoni tal-President Norman Darmanin Demajo, il-laqgħat konsultattivi li saru mal-membri u preżentazzjoni tal-pożizzjoni tal-MFA. Wara dan kollu l-klabbs kellhom iċ-ċans li jistaqsu lill-uffiċjali li mexxew il-laqgħa, panel iffurmat mill-President, Norman Darmanin Demajo, minn Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali u minn Dr Chris Bonett, Viċi President u l-persuna li ħadem fuq dawn il-proposti u mexxa l-laqgħat kollha mal-klabbs.

 

Norman Darmanin Demajo fetaħ il-laqgħa u qal li kulħadd għandu jkun entużjast għal din il-laqgħa għaliex wara ħafna snin se nagħmlu pass importanti fl-iżvilupp tal-artijiet mogħtija fil-maġġoranza tagħhom fl-1996 miil-Gvern tal-ġurnata permezz  ta’ titlu.  Il-kuntratti tal-faċilitajiet eżistenti li jużaw il-klabbs jistipulaw li l-art trid tintuża biss għal skopijiet sportivi, iżda l-iskop ta’ din il-White Paper huwa proprju biex tneħħi ir-restrizzjoni.

 

“Mal-Gvern ta’ qabel konna tkellimna li l-klawsola ta’ restrizzjoni tista’ tkun problema għall-klabbs lokali iżda wara l-bidla fil-Gvern komplejna naħdmu biex naslu s’hawn. Kien hemm il-bżonn li din il-Liġi tiġi emendata. Madankollu, ma jfissirx li fil-futur jista’ jiġi xi ħadd u jneħħi l-iskop sportiv mill-faċilita’ tagħkom u tal-klabb tagħkom. L-iskop irid dejjem jibqa’ wieħed sportiv,” qal Darmanin Demajo.

 

Dr Chris Bonett, indirizza lis-sala fuq l-aktar punti tekniċi u dwar il-punti kollha li kienu resqu l-klabbs fil-laqgħat li kellhom miegħu. U rrisponda lura billi qal fejn taqbel l-MFA u fejn ma taqbilx l-MFA u dan wara diskussjoni li saret fil-Bureau mill-uffiċjali tal-Assoċjazzjoni u qal ukoll x’se tkun it-triq ’il quddiem u x’se jiġi propost lill-Gvern.

 

Qabel għalaq il-laqgħa, Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, irringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw f’kull stadju tal-proċess sabiex l-MFA, li kien il-katalista f’din ir-riforma, tkun tista’ twassal il-proposti serji u raġjonevoli tagħha lill-Gvern.

Official Sponsors
Commercial Partners