Malta Football Association
NEWS:
FA Trophy: Kwarti tal-Finali, għada u l-Erbgħa
Apr 18, 2016
Posted in:
General
Cups & Competitions

 

Bejn għada t-Tlieta u l-Erbgħa, tkompli l-kompetizzjoni tal-FA Trophy f’pajjiżna fejn jintlagħbu l-erba’ Kwarti tal-Finali bejn it-tmien timijiet li rnexxielhom jikkwalifikaw. Il-kompetizzjoni tal-FA Trophy ta’ dan is-sena se tkompli mingħajr żewġ protagonisti ewlenien li matul l-aħħar snin dejjem ħallew impatt f’din il-kompetizzjoni; Valletta FC u Hibernians FC. Dan se jkun ukoll l-aħħar staġun li fih se tiġi ppreżentata l-FA Trophy li ilha snin tintrebaħ f’pajjiżna, u dan minħabba l-fatt li mill-istaġun li ġej se tinbidel f’mudell ġdid u ta’ valur akbar li xorta jagħti l-istess sinifikat tal-FA Trophy u l-Istorja marbuta magħha.


 

Il-partiti ta’ għada t-Tlieta jintlagħbu fil-Hibernians Stadium, f’Kordin, u l-ewwel partita fis-6.00pm tkun dik bejn Sliema Wanderers FC u St. Andrew’s FC. Is-Slimiżi jibdew favoriti li jirbħu din il-partita iżda fl-aħħar xhur, St. Andrew’s urew li jistgħu jkunu tim ferm validu u jagħtu partita tajba lil kull tim.

 

It-tieni partita fit-8.00pm tkun bejn Balzan FC u Tarxien FC. Partita li l-Balzanin jibdew xi ftit aktar favoriti iżda r-Rainbows urew kemm-il darba li kapaċi jilagħbu u jirbħu lil kulħadd u għaldaqstant ma tkunx sorpriża jekk jirnexxielhom jikkwalifikaw għas-semifinali.

 

L-Erbgħa jkollna żewġ partiti oħra iżda din id-darba jintlagħbu fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta Qali. Fis-6.00pm Pembroke Athleta FC jilagħbu kontra Pieta’ Hotspurs FC. Pembroke jibdew favoriti biex għall-ewwel darba fl-Istorja tagħhom iwasslu sas-semifinali tal-kompetizzjoni. Pieta’ hu l-uniku tim fost it-tmienja li għadhom fil-kompetizzjoni u mhux tim ta’ Premier u wieħed irid jagħtihom il-mertu għal dan kollu.

 

Ir-raba’ u l-aħħar Kwarti tal-Finali tkun dik il-partita l-aktar mistennija bejn Birkirkara FC u Floriana FC. Iż-żewġ timijiet xtaqu jevitaw lil xulxin iżda dik hi parti mix-xorti u l-isfortuna tal-polza. Bejn it-tnejn, ma tantx jidher li hemm favorit u ż-żewġ naħat jibdew il-partita b’ċans ta’ 50% li jikkwalifikaw.

 

Jekk xi partita minn dawn l-erbgħa tintemm fi draw ikollha tintlagħab nofs siegħa żejda u jingħataw l-ogħti tal-penalties.

 

Official Sponsors
Commercial Partners