Archives

Ikompli l-Kampjonat BOV Premier

Published: 23-04-2016 12:10
image1 (102)
Illum ikompli l-kampjonat BOV Premier b’erba’ partiti oħra li fihom jistgħu jkunu magħrufa d-destin ta’ħafna timijiet, fosthom ta’ min jirbaħ il-kampjonat BOV Premier bejn Valletta FC u Hibernians FC u bejn min jiġi relagat jew le.  Fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali, fl-4.00pm, tibda l-partita bejn Pembroke Athleta FC u Tarxien Rainbows FC, partita li ftit li xejn fiha interess, anki għax iż-żewġ naħat huma ċerti minn post fil-Kampjonat BOV Premier l-istaġun li ġej. Iżda t-tieni partita tkun mill-iktar interessanti u dan minħabba l-fatt li Valletta FC huma obbligati li jirbħu jekk iridu jirbħu l-Kampjonat. Punt warajhom hemm Hibernians FC li jilagħbu għada qabel l-aħħar konfront bejn xulxin. Iżda l-istess jista’ jingħad għal Balzan FC li rebħa biss tpoġġihom f’sitwazzjoni serja li jtemmu l-Kampjonat fit-tielet post. Fl-istess ħin, fil-Hibernians Stadium, f’Kordin, ikollna żewġ partiti oħra. Fl-4.00pm tibda St. Andrew’s FC kontra Naxxar Lions FC. Jekk in-Naxxarin jieħdu l-punti minn din il-partita jirrelegaw awtomatikament lil Qormi u lil St. Andrew’s u jisfurzaw play-off huma stess kontra Senglea Athletic, għal min jilgħab Premier jew fl-Ewwel Diviżjoni, l-istaġun li ġej. Il-play-off tintlagħab fil-jiem li ġej. Qormi FC vs Sliema Wanderers FC tintlagħab fis-6.00pm u l-interess ħafna jjorbot ħafna mal-andament tal-ewwel partita. Jekk St Andrew’s FC jirbħu l-konfront, ikun ifisser li Qormi FC jridu biss rebħa biex jibqgħu jittamaw li jżommu posthom mal-kbar l-istaġun li ġej. Għada jkollna żewġ partiti oħra. Fl-4.00pm partita bla interess bejn Mosta FC u Floriana FC iżda fis-6.00pm jkollna konfront mill-iktar interessanti bejn Birkirkara FC u Hibernians FC. Xejn ħlief rebħa ma tissodisfa lit-tim ta’ Raħal Ġdid iżda wara l-aħħar partiti li għamlu Birkirkara FC, xejn ma jidher ċert. M’hemmx dubju li l-qofol tal-Kampjonat Premier jintlaħaq il-ġimgħa d-dieħla bl-aħħar ġurnata tal-Kampjonat u bl-aħħar partita bejn Valletta FC u Hibernians FC, li wisq probabbli tiddeċiedi fejn imur il-Kampjonat BOV Premier għal dan l-istaġun.