Malta Football Association
NEWS:
Jitilgħu l-poloz tas-semifinali tal-FA Trophy
Apr 27, 2016
Posted in:
General
Cups & Competitions
Ritratti: Joe Borg
Ritratti: Joe Borg

  • Ritratti: Joe Borg

 

Fil-11.00am ta’ dalgħodu, fis-sala tal-konferenzi tal-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali, ittellgħu l-poloz tas-semifinali tal-FA Trophy. Il-partita bejn Sliema Wanderers FC u Birkirkara FC se tintlagħab fis-7 ta’ Mejju, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali u tibda fil-5.00pm. Il-partita bejn Balzan FC u Pembroke Athleta FC tintlagħab fit-8 ta’ Mejju, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali, u tibda fil-5.00pm. F’każ li xi partita tispiċċa fi draw, jintlagħab il-ħin barrani u eventwalment jingħataw il-penalties biex isir magħruf il-finalist.


 

Dan kollu ntqal u ġie spjegat lil dawk kollu li kienu preżenti għal din il-konferenza stampa li nfetħet minn Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Association. Vassallo qal li jinsab sodisafatt għax l-għan ta’ meta nbidel il-format tal-FA Trophy qed jintlaħaq; jiġifieri dak li kull tim, anki meqjus żgħir, ikollu ċ-ċans li javvanza u jilgħab anki partiti ta’ attrazzjoni. Din is-sena dan il-għan intlaħaq anki grazzi għal Sliema Wanderers FC u Pembroke Athleta FC li temmew fil-kassifika tal-Kampjonat BOV Premier mat-timijiet t’isfel.

 

Vassallo tkellem ukoll fuq it-trofew tal-FA Trophy.

“Kif tħabbar fl-aħħar Kunsill tal-MFA, dan se jkun l-aħħar staġun li se tingħata din l-FA Trophy. It-trofew se jinbidel għal wieħed aktar modern. L-FA Trophy preżenti kien ingħata lill-partitarji Maltin mill-FA Ingliża lura fl-1933. Illum għadda ħafna snin. It-trofew baqa’ sabiħ u ta’ attrazzjoni iżda qdiem u tilef anki xi partiijiet minnu. Bħalissa, it-trofew jinsab l-Ingilterra. Reġa’ rritorna pajjiżu wara 83 sena biex minn fuqu jittieħed id-disinn għat-trofew il-ġdid,” qal Vassallo.

 

Vassallo temm l-indirizz tiegħu billi qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir għalih u għall-MFA li fil-media l-futbol jissemma l-ħin kollu. Ta’ sodisfazzjon ukoll li minkejja mhux kulħadd jattendi fl-istadiums biex isegwi l-Kampjonati Maltin, f’kull pjazza, bar u rokna ssib nies jitkellmu fuq il-futbol.

 

“Għalina li mmexxu l-futbol mhux dejjem tkun faċli għax dejjem qed inħabbtuha ma’ nies li jitkellmu b’passjoni kbira u mħabba lejn il-logħba tal-futbol u lejn il-klabb favorit tagħhom,” temm Vassallo.

 

Rodney Pisani, Deputat Segretarju Ġenerali, tkellem u spjega l-andament tal-polza biex finalment inqata’ l-verdett fuq min se jilgħab ma’ min. Il-finali tintlagħab fl-14 ta’ Mejju, fil-5.00pm, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali.

Official Sponsors
Commercial Partners