


Balzan vs Sliema - “Qegħdin b’50% ċans li nirbħu t-Trophy”

Mark Attard, Media Officer, MFA
Balzan FC u Sliema Wanderers FC qablu li l-partita tas-Sibt li ġej se tkun b’50% ċans fuq kull naħa u dan minħabba l-fatt li hi partita waħda u li fil-ġurnata kull tim jista’ jkun aħjar minn ieħor.
Dan id-diskors qaluh Oliver Spiteri, kowċ ta’ Balzan FC u Alfonso Greco, kowċ ta’ Sliema Wanderers FC li dalgħodu tkellmu f’konferenza stampa organizzata mill-Malta Football Association, fis-Centenary Hall tas-Centenary Stadium, f’Ta’ Qali.
Flimkien ma’ Spiteri u Greco, tkellmu wkoll iż-żewġ captains rispettivi taż-żewġ timijiet, Dylan Grima għal Balzan FC u Alex Muscat għal Sliema Wanderers FC.
Spiteri beda l-konferenza billi qal li l-plejers tiegħu qed iħarsu lejn din il-finali b’ottimiżmu kbir u konvinti li jistgħu jagħmlu xi ħaġa tajba.
“Sliema tim b’saħħtu ħafna wkoll u wrew dan kollu proprju fl-aħħar partita tagħhom f’dawn l-aħħar xhur. Se tkun partita diffiċli u nara li għandna 50% ċans li nirbħu t-tnejn li aħna. Aħna se nagħtu l-massimu tagħna bħal dejjem,” qal il-kowċ tal-Balzanin.
Greco, il-kowċ tal-Blues, qal li din hi partita deċiżiva għall-klabb tiegħu li fiha jistgħu jagħlqu l-istaġun bi stiel.
“Partita importanti għat-tnejn li aħna. Ġejjin minn prestazzjonijiet tajbin ħafna, bl-aħħar waħda tkun is-semifinali kontra Birkirkara FC. Għandna tim li kapaċi jirbaħa din il-finali u se nagħmlu minn kollox biex jasal dan is-suċċess,” qal il-kowċ ta’ Sliema Wanderers FC.
Dylan Grima, captain ta’ Balzan FC, ta r-reazzjoni tiegħu wkoll jumejn qabel din il-finali.
“Qed inħarsu ’l quddiem b’ottomiżmu kbir għal din il-partita. Ninsabu motivati ħafna biex inġibu l-ewwel unur fl-Istorja għal Balzan FC. Nistennew u naraw,” qal Grima.
Alex Muscat ukoll ta l-kummenti tiegħu.
“Partita diffiċli li se jirbaħa min ikun l-aħjar fil-mument. Ninsabu konċentrati u konvinti mill-potenzjal tagħna. Se nilagħbu kontra tim li nvesta ħafna f’dawn l-aħħar snin. Mhux se tkun faċli. Nispera li tkun l-aqwa partita tal-istaġun għalina,” qal Muscat.
