Malta Football Association
NEWS:
Isir l-40 Kungress Ordinarju tal-UEFA
May 17, 2016
Posted in:
General
Fanzone

 

Fil-bidu tax-xahar ta’ Mejju sar l-40 Kungress Ordinarju tal-UEFA f'Budapest, fl-Ungerija.  Għal dan il-Kungress attendew esponenti għolja tal-MFA – il-President Norman Darmanin Demajo, is-Segretarju Ġenerali, Bjorn Vassallo u l-Viċi-President Dr Chris Bonett.


 

Lejliet il-Kungress, waqt ċerimonja apposta, Fr Hilary Tagliaferro, il-President tal-Youth FA, kien rikonoxxut mill-UEFA bl-Order of Merit għax-xogħol li għamel matul is-snin fis-settur tal-futbol f’pajjiżna. Waqt l-istess avveniment, Carmelo Bartolo, eks-viċi President tal-MFA u preżentament Membru Onorarju tal-istess Assoċjazzjoni, ingħata rikonoxximent mill-UEFA għax-xogħol li wettaq fid-diversi kumitati tal-istess UEFA matul l-aħħar 16-il sena. Il-Malta FA, f’komunikat ftit jiem wara l-preżentazzjoni, kienet irringrazzjat liż-żewġ amministraturi tal-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom matul is-snin kollha nvoluti fil-logħba tal-futbol.  

 

Waqt il-laqgħa tal-Kungress, immexxija mill-Viċi President Spanjol, Villar Llona, id-delegatri mill-54 assoċjazzjoni membru kellhom jieħdu vot dwar ir-rikjesta’ tal-Federazzjoni tal-Kosovo biex jingħaqdu bħala membri sħaħ fi ħdan il-UEFA. Għal vot biex l-applikazzjoni tkun aċċettata, kienet meħtieġa maġġoranza sempliċi ta' voti u r-riżultat ta’ voti kien ta’ 28 favur, 24 kontra u żewġ voti invalidi. Intant, saret votazzjoni oħra li fiha l-Franċiża Florence Hardouin ġiet eletta bħala l-membru femminili fil-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA għall-perjodu ta' bejn l-2016 u l-2019, fejn kisbet 33 vot kontra l-21 vot miksuba min-Norveġiża, Karen Espelund. Matul l-istess Kungress saru votazzjonijiet oħra fosthom dwar emendi fl-Istatut tal-UEFA.

 

Il-Kungress li jmiss ser isir f’Marzu 2017 fil-Fillandja. 

Official Sponsors
Commercial Partners