Archives

Gianni Infantino jmexxi s-66 Kungress tal-FIFA

Published: 17-05-2016 15:05
image1 (102)
 Is-66 Kungress tal-FIFA mmarka l-ftuħ ta' era ġdida għall-FIFA u l-football madwar id-dinja bit-tħabbir ta' dik li ġiet imsejħa bħala bidla radikali fl-investiment tal-FIFA u fl-iżvilupp tal-futbol, il-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-FIFA Legends Programme. Dan minbarra li Fatma Samoura ġiet eletta bħala Segretarju Ġenerali ġdid tal-FIFA. Dan il-Kungress li, tmexxa mill-President tal-FIFA, Gianni Infantino, u s-segretarju ad Interim Markus KattneR, sar f’Mexico City, fil-Messiku, bejn it-12 u t-13 ta’ Mejju, fejn ir-rappreżentanza Maltija kienet ifformata mis-segretarju ġenerali, Bjorn Vassallo, it-teżorier Ivan Mizzi u l-viċi president Alex Manfre.  Biex ikompli jibni fuq il-manifest elettorali li bih ġie elett bħala president tal-FIFA, Infantino ppreżenta l-programm ta' żvilupp li jġib l-isem ta' 'FIFA Forward', u li se jkun qed ibiddel bosta programmi  varji ta' żvilupp tal-futbol tal-FIFA. Il-'FIFA Forward' se jkun qed jipprovdi appoġġ ħolistiku għall-iżvilupp tal-futbol f'kull assoċjazzjoni membru tal-FIFA, fosthom dik Maltija kif ukoll is-sitt Konfederazzjonijiet. Il-FIFA se tkun qed tkabbar b'mod sinjifikanti l-investiment tagħha għal kull assoċjazzjoni membru għal perijodu ta' erba' snin għall-proġetti tal-futbol kif ukoll appoġġ finanzjarju għall-infieq involut biex dan kollu jkun jista' jiġi milħuq. L-użu tal-fondi se jkun qed jiġi mmoniterjat mill-viċin permezz ta' kontabbiltà u trasparenza assoluta, bl-assoċjazzjonijiet membri kollha se jkunu mitluba jippubblikaw awditjar independenti tal-finanzi tagħhom skont ir-regoli l-ġodda tal-'FIFA Forward'. L-Uffiċjal tan-Nazzjonijiet Uniti, Fatma Samba Diouf Samoura, maħtura bħala Segretarju Ġenerali ġdida tal-FIFA Waqt dan il-Kungress, il-president tal-FIFA, Gianni Infantino, ħabbar l-appuntament mill-Kunsill tal-FIFA ta' Fatma Samba Diouf Samoura, mis-Senegal, bħala s-Segretarju Ġenerali ġdid tal-FIFA. Rimarkabbli huwa l-fatt li din hija l-ewwel mara kif ukoll l-ewwel persuna ġejja mill-kontinent Afrikan li se tkun qed tokkupa din il-kariga ferm prestiġjuża. Hija ilha taħdem għal xejn inqas minn 21 sena fi programmi varji tan-Nazzjonijiet Uniti u bħalissa hija l-Kordinatur u r-Rappreżentanta tan-Nazzjonijiet Uniti fin-Niġerja. Kif mitlub mill-istatuti tal-FIFA, Fatma Samoura, se jkollha tgħaddi minn eżami ta' eliġibbiltà minn Kumitat Indipendenti ta' Stħarriġ, skond kif jitlob Artiklu 37 tal-Istatuti tal-FIFA. Jekk kollox imur skond il-pjani, Fatma Samoura se tkun qed tassumi l-irwol ta' Segretarju Ġenerali tal-FIFA b'mod uffiċjali qabel nofs Ġunju li ġej. Riformi fl-azzjoni Il-FIFA tat informazzjoni lill-assoċjazzjonijiet membri fi ħdanha rigward il-proċess fl-implimentazzjoni tal-proċess ta' riforma sa minn meta ġew approvati miżuri ġodda fi Frar li għadda. Dawn ir-riformi issa ġew fis-seħħ fid-diversi strutturi tal-FIFA u se jkunu qed jinkludu s-segwenti:- Iktar stħarriġ rigward id-dħul u l-infieq li jsiru mill-FIFA;- Eżaminar ta' eliġibbiltà għall-membri ġodda ta' Kumitati u pożizzjonijiet importanti u li jitolbu ċertu responsabbiltà fi ħdan il-FIFA;- Il-pubblikazzjoni ta' kumpens individwali ta' uffiċjali veterani tal-FIFA;- L-Appuntar tal-ewwel membri indipendenti f'kumitati ċentrali tal-FIFA. Intant, il-president tal-FIFA, Gianni Infantino, ħabbar it-twaqqif ta' diviżjoni tal-futbol tan-Nisa fl-amministrazzjoni tal-FIFA, biex ikompli jingħata s-sapport u l-promozzjoni meħtieġa fl-iżvilupp tal-futbol tan-Nisa fuq livell dinji. Se jkunu qed jiġu organizzati wkoll b'mod regolari summits tal-football għall-assoċjazzjonijiet membri, li se jkunu qed jibdew fit-tielet kwart tas-sena 2016, b'konferenzi inter-konfederazzjonali li se jkunu qed jinvolvu madwar 20 assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol, iddisinjati biex jindirizzaw suġġetti reġjonali importanti fil-futbol.