Malta Football Association
NEWS:
“Fl-MFA Awards ikkonċentrajna l-aktar fuq l-Istorja tal-FA Trophy” – Dr Bonett
May 17, 2016
Posted in:
General
Fanzone
Ritratti: Joe Borg
Ritratti: Joe Borg

  • Ritratti: Joe Borg

 

Illum f’12.00pm, saret il-konferenza stampa li fiha ngħataw l-aħħar dettalji dwar l-MFA Awards 2016, is-serata li se ssir il-Ġimgħa li ġej, 20 ta’ Mejju 2016, f’Dar il-Meditarran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta. Is-serata se tixxandar diretta fuq TVM 2 u se tkun preżentata minn Chris Cauchi f’isem PBS Ltd, Christian Micallef f’isem Medialink Communications Ltd u Janice Briffa, f’isem ONE Productions Ltd.


 

“Fl-MFA Awards ta’ din is-sena, it-tema u l-iffukar se jkun l-aktar fuq l-FA Trophy, li kif ilkoll nafu ġiet preżentata għall-aħħar darba s-Sibt li għadda lil Sliema Wanderers FC. Huma kienu l-ewwel u l-aħħar rebbieħa ta’ dan it-trofew li issa se jispiċċa fil-mużew tal-MFA u mis-sena d-dieħla se jibda jingħata trofew ġdid, mill-isbaħ u eċċezzjonali. Id-disinn tat-trofew il-ġdid se jkun żvelat f’din is-serata,” qal L-Avukat Bonett.

 

Din se tkun ir-raba’ darba li l-MFA Awards se jsiru fuq skala daqshekk kbira u li għalihom ikunu mistiedna dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-logħba tal-futbol bħall-klabbs, Presidenti, Membri tal-Kunsill, Membri tal-Eżekuttiv, sponsors, ġurnalisti u aktar mistiedna speċjali tal-MFA.

 

“Fl-istess serata se jerġgħu jittellgħu l-poloz tal-Kampjonat BOV Premier, xi ħaġa li konna bdejna erba’ snin ilu u li ntgħoġbot ħafna. Se jkollna ħafna mistiedna distinti li matul is-snin ħallew impatt kbir fuq l-FA Trophy. Se jkollna spettaklu ta’ żeffiena wkoll. Se tkun serata li tgħaqqad il-familja kollha tal-futbol f’pajjiżna,” qal il-Viċi President tal-MFA.

 

Il-konferenza stampa nfetħet minn Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA li filwaqt li rringrazzja lil kull min kien parti mix-xogħol kbir li fiha serata bħal din biex tiġi organizzata. Vassallo feraħ lil Sliema Wanderers FC rebbieħa tal-aħħar FA Trophy tas-Sibt li għadda u lil Balzan FC, li kienu finalisti mill-iktar denji.

 

“Kellna staġun b’żieda fil-barranin u fil-livell. Fil-partiti tal-Kampjonat BOV Premier, jidher li kellna żieda wkoll fejn jidħlu spettaturi. Kellna taqtiegħa tajba li għamlet ġid. Finalment wasalna s’hawn. Wasalna biex il-Ġimgħa li ġej inrebbħu l-aqwa tal-istaġun. Il-Ġimgħa se tkun serata li fiha niltaqgħu kollha flimkien f’atmosfera familjari,” qal Vassallo. 

Official Sponsors
Commercial Partners