Malta Football Association
NEWS:
Ikompli t-taħriġ tat-tim nazzjonali
May 19, 2016
Posted in:
General
Ritratti: Domenic Aquilina
Ritratti: Domenic Aquilina

  • Ritratti: Domenic Aquilina

Mark Attard, Media Officer

 

It-tim nazzjonali Malti, ilbieraħ kompla bit-taħriġ tiegħu li bħalissa qed jagħmel kuljum fil-5.30pm fit-training grounds tal-MFA, minn meta reġa' ngħaqad it-Tnejn li għadda. Il-grupp jibqa' f'irtir sakemm il-kontinġent jiġi lura minn barra, fit-2 ta' Ġunju. 

 

Pietro Ghedin, kowċ nazzjonali u Ray 'Żażu' Farrugia, l-assistent tiegħu, fis-sessjoni tal-bieraħ komplew josservaw il-plejers kollha u f'liema stat jinsabu fiżikament. Għall-ewwel darba, ilbieraħ kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-iskwadra kollha possibbli, għajr għal Steve Borg, il-plejer ta' Aris Limassol FC, li se jingħaqad mal-iskwadra proprju llum.

 

Għal dawn iż-żewġ partiti, l-iskwadra Maltija se jkollha tgħaddi mingħajr Andrew Hogg u Jonathan Caruana li jinsabu indisposti u mingħajr Andre' Schembri, li se jingħaqad fis-sagrament taż-żwieġ fil-jiem li ġejjin u se jkun għaddej bl-aħħar preparamenti meta l-iskwadra tkun qiegħda fl-Awstrija. Awguri lilu wkoll!

 

Is-sessjoni tal-bieraħ ikkonċentrat l-aktar fuq tattika u teknika u wieħed jista jgħid li l-plejers ġodda u żgħażagħ fit-tim ħallew impressjoni tajba ħafna. Llyweleyn Cremona, Cain Attard, Ryan Camenzuli u Luke Montebello kollha urew li se jkunu plejers denji tat-tim nazzjonali Malti. Magħhom ingħaqad Luke Gambin, il-plejer ta' Barnet FC, li ħalla impressjoni mill-aqwa tal-kapaċitajiet li jipposedi.

 

Ma' Henry Bonello u Justin Haber jingħaqad Matthew Calleja Cremona ta' Floriana FC bħala t-tielet gowlkiper tat-tim nazzjonali Malti u li jidher li ħadmu tajjeb ħafna taħt it-tmexxija ta' Charles Sciberras, kowċ tal-gowlkipers tat-tim nazzjonali.

 

It-tim nazzjonali Malti jħalli pajjiżna l-Erbgħa 25 ta' Mejju kmieni filgħodu u jiġi lura fit-2 ta' Ġunju. Malta tilgħab kontra r-Repubblika Ċeka fis-27 ta' Mejju u kontra l-Awstrija fil-31 ta' Mejju.


Official Sponsors
Commercial Partners